Erba’ persuni li kienu rekbin ġo vann iddaħħlu għall-kura l-Isptar Mater Dei wara li lbieraħ waranofsinhar kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan.
Kienu għall-ħabta tal-4:15 p.m, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li vann, tal-għamla Mercedes Sprinter, li kien qiegħed jinstaq minn raġel ta’ 42 sena residenti San Pawl il-Baħar kien ħabat mal-mina fl-imsemmija triq.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u hemmhekk sabet il-vann maħbut bix-xufier kif ukoll tliet passiġġieri oħra maqbudin fih.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu lill-persuni maqbudin fil-vann. Issejjaħ ukoll tim mediku u ambulanzi li ħadu ’l-erba’ persuni l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard ix-xufier ġie ċċertifikat bi ġrieħi ta’ natura ħafifa, filwaqt li żewġ passiġġieri, Ġermaniż ta’ 31 sena u Olandiż ta’ 39 sena ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi filwaqt li l-kundizzjoni tal-passiġġier l-ieħor, raġel ta’ 31 sena min-Nepal għadha pendenti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.