Sunday, October 27, 2024

“Ixxukjajt ruħi… se nieħu l-passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru” – l-Arċisqof dwar il-kummenti ta’ Fr David

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li xxukja ruħu b’dan li sema u qara u talab maħfra lil dawk kollha li ġew imweġġa’ minn kummenti li saru fl-aħħar sigħat.

Huwa kien qed jgħid dan wara li Fr David Muscat fost l-oħrajn qal li “l-bisesswalità hija agħar mill-possessjoni”.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof dalgħodu qal: “Il-kelma ħelwa ta’ Ġesù taf twiddeb u twissi, imma qatt mhi nieqsa mill-imħabba. F’dawn l-aħħar sigħat ħafna kkuntattjawni biex juru d-dispjaċir u r-rabja tagħhom  għal kliem li ntqal minn saċerdot minn tagħna fuq ħutna l-gays. Ixxukjajt ruħi nisma u naqra li dan qal x’aktarx li tkun gay huwa agħar milli tkun imxajtan. Dan mhux kliem ta’ mħabba. Dan huwa ġebel mitfugħ b’qalb li għandha bżonn titgħallem tħobb iżjed u kif iħobb Ġesù.”

Żied jgħid: “Lil kull min huwa mweġġa’ minħabba kliem iebes li sema’, lill-ommijiet u missirijiet ta’ persuni gay li llum iħossuhom mhux biss imweġġgħin imma traduti mill-knisja li tant iħobbu … jiena nitlobkom maħfra u nieħu l-passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru.”

Fl-aħħar sigħat bosta kienu dawk il-persuni li rreaġixxew għal dak li ntqal minn Fr David fejn esprimew ir-rabja tagħhom għal dan il-kliem mhux xieraq.

Fost l-oħrajn il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-ħajja u Organizzazzjonijiet Volontarji Julia Farrugia Portelli qalet li bħala ċittadina u bħala Ministru għall-Inklużjoni talbet lill-Pulizija tinvestiga u tieħu azzjoni. 

Sport