Sunday, November 24, 2024

“Ixxurtjati li għandna Gvern b’mudell ekonomiku differenti b’elementi soċjali”

Analiżi tal-isfidi tal-lum imqabbla ma’ dawk tas-Sette Giugno mal-ekonomista Clint Flores

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Pajjiżna għadu kemm iċċelebra l-festa tas-Sette Giugno, festa nazzjonali li tikkommemora l-avvenimenti li seħħu fil-jum tal-1919 wara serje ta’ rvellijiet mill-Maltin li wasslu biex tilfu ħajjithom erba’ patrijotti vittmi ta’ sparar mit-truppi Ingliżi. Il-poplu Malti dak iż-żmien kien qiegħed isofri l-ġuħ u ħakma minn sovran barrani.

F’intervista mal-analist politiku u ekonomista, Clint Flores naraw kif illum il-ġurnata, kawża ta’ gwerra fil-kontinent tagħna li wasslet għal għoli tal-ħajja, kif ukoll xena politika taħt it-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, il-poplu Malti għandu sfidi ġodda, sfidi li hekk kif ikkonferma dan l-ekonomist huma ferm inqas meta kkomparati ma’ pajjiżi barranin oħra. Flores jattribwixxi dan grazzi għall-Gvern preżenti li għandu ħsieb ekonomiku soċjalist li bih qiegħed jgħin ħafna u jagħti sostenn kontinwu ħalli ħadd ma jaqa’ lura.

Flores saħaq li, “it-taxxi għandhom iservu biex jgħinu b’mod dirett lil dawn il-membri tas-soċjetà u jkunu qegħdin jirċievu xi ħaġa lura mill-kontribut li jagħtu u li taw lis-soċjeta’ matul is-snin, inkluż l-anzjani. Kont, għadni u nibqa’ nemmen bis-sħiħ li l-poplu Malti qatt ma għotor quddiem l-isfidi. Dan il-poplu għandu l-grazzja li għandu Gvern bi ħsieb ekonomiku fuq l-istess paġna tiegħu li dejjem lest biex jagħtih is-sostenn li jeħtieġ ħalli ma jibqa’ lura ħadd. Huwa dan li, fuq kollox, jagħmel Gvern soċjalista wieħed b’ruħ soċjali”.

Min-naħa tiegħu huwa jemmen li hemm ċerti faxex tas-soċjetà li jeħtieġu iżjed għajnuna minn ħaddieħor, partikolarment dawk bi dħul baxx jew medju u li ħadd m’għandu għalfejn ikollu jagħmel sforz staordinarju biex ikun jista’ jimxi ’l quddiem fis-soċjetà.

Kieku ħutna ma ssiltux, żgur li m’aħniex ngħixu fil-paċi…

Mistoqsi jekk jirrelatax b’xi mod is-sitwazzjoni li kienu fiha l-Maltin fis-7 Giugno u mal-isfidi li għandna llum Flores beda biex qal li, “għalkemm tista’ tgħid li forsi m’hawn l-ebda persuna ħajja li tiftakar iż-żmien li fih seħħew ir-rewwixti tas-Setta Giugno, kull min iħobb jaqra u jirriċerka dwar il-passat u l-istorja ta’ Malta ma jridx wisq biex jintebaħ li f’dak il-perjodu s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna ma kienet waħda feliċi xejn. Minkejja dan, nemmen li l-kelma “rewwixti” hija daqsxejn esaġerata għax milli qrajt u anke milli kienet tgħidli l-bużnanna tiegħi li għexet dawk iż-żminijiet, dawn pjuttost kienu protesti paċifiċi iżjed milli rewwixti jew irvellijiet”.

Huwa jiftakarha tirrakkontalu li l-awtoritajiet Ingliżi kienu rrispondew għal tali protesti b’forza sproporzjonata. Dan għax riedu jiskoraġġixxu lill-folla milli tirvella, mhux biss dakinhar, iżda anke f’sitwazzjonijiet oħra.

Fir-rigward Flores qal li, “irridu nistqarru li kieku ħutna l-Maltin ma ssieltux għal pajjiżna, żgur li m’aħniex ngħixu fil-paċi kif qegħdin illum. Dejjem emmint u nibqa’ nemmen li l-poplu Malti, fil-maġġoranza assoluta tiegħu jħobb jgħix fil-paċi u jekk xejn, ifittex dak li jgħaqqdu u mhux dak li jifirdu”.

F’Malta kien hawn faqar taqgħtu b’sikkina

Flores qal li meta wieħed jikkonsidra l-kuntest taż-żmien li fih seħħew il-protesti tas-Sette Giugno, f’pajjiżna beda jiġi esperjenzat il-fenomenu tal-għoli tal-ħajja. “Irridu nżommu f’moħħna wkoll il-fatt li għall-kuntrarju tal-Establishment Ingliż li kien jgħix geddumu fix-xgħir, il-maġġorparti tal-poplu Malti ta’ kuljum kien ikollu jħabbat wiċċu ma’ faqar u ġuħ taqgħtu b’sikkina”.

Spjega li peress li f’dawk iż-żminijiet konna kolonja Ingliża, bħalma kien jiġri f’bosta pajjiżi li kienu kolonji, il-poplu kellu t-tendenza li jattribwixxi s-sitwazzjoni ddisprata tiegħu lill-pajjiż li kien qiegħed jaħkmu. Fil-każ tagħna l-Ingliżi.

“Ngħiduha kif inhi, wieħed ma jridx ilum lill-poplu sa barra, għax ladarba l-Ingliżi kellhom f’idejhom it-tmun ta’ pajjiżna, kellhom id-dover li jipprovdu lil pajjiżna bis-soluzzjonijiet adegwati li kellu bżonn fil-mument opportun. Wara kollox, l-Ingliżi kienu ġew f’pajjiżna meta l-poplu kellu bżonn l-għajnuna biex jeħles mill-ħakma Franċiża.

Biss, l-Ingliżi għoġobhom ix-xogħol u baqgħu hawn. Mhux talli hekk, talli ċertu żoni f’pajjiżna, bħal ngħidu aħna l-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa kif ukoll Pembroke, il-Maltin lanqas kellhom aċċess għalihom. Tant huwa hekk li għadek sal-lum tara ċerti żoni f’pajjiżna bl-ittri kbar “R.T.O.”, li kienu jfissru li dawn iż-żoni kienu riservati speċifikament għall-Ingliżi”.

L-issikkar taċ-ċinturin fi żmien il-gwerer… dari u issa

Dan l-analist politiku kompla jgħid li rridu nikkonsidraw ukoll il-fatt li l-prezz tal-qamħ beda jgħolli rasu ġmielu anke minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija. B’riżultat ta’ dan il-poplu Malti u Għawdxi ma bediex ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja u t-tmexxija Ingliża qajla kien jinteressaha mill-fatt li l-membri tal-poplu tagħna bdew jesperjenzaw tbatija liema bħalha biex jirnexxielhom jieħdu l-ikel fuq il-mejda tad-dar. Il-kunċett huwa tas-suq is-suq.

“Ilkoll smajtu bil-gwerra li attwalment hemm għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Sfortunatament, sa reċenti ħafna l-Unjoni Ewropea kellha dipendenza kbira fuq ir-Russja f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvediment tal-enerġija,” elabora Flores.

Hawn, kompla Flores, “il-gwerra wasslet għal nuqqas kbir fil-provvediment u min għandu idea bażika tal-ekonomija, jifhimni x’se ngħid – iżjed ma’ prodott jew riżorsa tkun skarsa, iżjed jogħla l-prezz tagħha. Għaldaqstant, bħalissa fl-Unjoni Ewropea għadha tissilet xorta mal-effett tal-prezzijiet tal-enerġija li għolew b’rata eżorbitanti. M’għandniex xi ngħidu, ħafna stati membri tal-Unjoni Ewropea qiegħed ikollhom jissikkaw iċ-ċinturin bil-kbir”.

Għaqal fit-tmexxija u t-tqassim tal-ġid nazzjonali

“Grazzi għall-għaqal fit-tmexxija u l-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern, l-Istat seta’ jassorbi tali żieda fil-prezzijiet tal-enerġija b’tali mod li l-poplu jkun jista’ jibqa’ jgħix komdu. Għalkemm l-inkwadratura tas-sitwazzjoni tal-irvellijiet tas-Sette Giugno hija kemmxejn differenti minn dik li qiegħda tiġi esperjenzata fl-Ewropa bħalissa fid-dawl tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-kunċett tal-għoli tal-ħajja jibqa’ l-istess”.

L-ekonomist bi snin ta’ esperjenza rribatta li żminijiet drastiċi jirrikjedu miżuri drastiċi. Jekk il-prezzijiet barra minn Malta qegħdin jogħlew, huwa qal li dawn se jogħlew ukoll f’pajjiżna u dan għax fl-aħħar mill-aħħar, Malta hija parti mid-dinja. “Però, ma nistax ma nisħaqx dwar il-fatt li kif spejgajt iżjed ’il fuq, is-sitwazzjoni kemm fl-Ewropa u kif ukoll f’pajjiżi oħrajn mhijiex waħda serena bħal ma hija hawn Malta.

Tant huwa jekk li meta tara r-rata tal-għoli tal-ħajja barra minn pajjiżna, tiskanta u titnixxef kif in-nies qegħdin jirnexxielhom jgħaddu u kif il-protesti qegħdin jinżammu taħt kontroll. Iż-żmien huwa wieħed differenti għax l-irrid ngħid li l-Unjoni Ewropea wkoll investiet ħafna fis-soċjal u anke l-ekonomiji soċjali. Biss, xorta jibqa’ l-fatt li lokalment qegħdin aħjar għax ħafna servizzi huma offruti b’xejn mill-Gvern, fis-sens li l-ġid nazzjonali huwa mqassam li jipprova jilħaq kemm jista’ jkun ukoll liż-żgħir”.

L-affarijiet jafu jeskalaw

Milli qiegħed jara dan l-analist politiku huwa li l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna jaf jeskala xi ftit u min-naħa tiegħu, jittama li ma jkomplix jimpatta fuq il-prezzijiet. Apparti minnhekk, il-Gvern Malti baqa’ jaħdem biex ikabbar l-ekonomija. Għaldaqstant, għandek żewġ forzi opposti jaħdmu flimkien li jafu jkomplu jgħollu l-ħajja.

“Qiegħed ngħid dan għax ġħall-kirjanza tal-eżempju. Jekk normalment il-ħajja togħla bi 2% li huwa l-livell aċċettat fl-ekonomiji madwar id-dinja tal-Punent u anke l-Bank Ċentrali Ewropew, fl-eventwalità li l-ekonomija tkompli tikber u jkomplu jiżdiedu wkoll il-prezzijiet minn barra, il-livell tal-għoli tal-ħajja f’Malta se jkun relattivament ikkontrollat bis-sussidji li hemm fuq il-fjuwil u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma,” kompla Flores.

Huwa qal li l-għoli tal-ħajja hemmhekk qiegħed u “m’għandniex xi ngħidu li hemm se jibqa’ sakemm tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni barra minn xtutna. Però, il-Gvern kien pro-attiv billi ta wkoll l-aġġustament tal-għoli tal-ħajja u fejn jista’ jikkumpensa lill-ħaddiema għall-għoli tal-ħajja. Barra minnhekk, il-fatt li l-gvern bagħat iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa fiha nnifisha hija miżura li tgħin biex ittaffi ftit mill-uġigħ tal-inflazzjoni”.

Żminijiet differenti, sfidi ġodda

Clint Flores jemmen li l-Maltin, anke jekk għaddew ’il fuq minn 100 sena, xorta waħda għandhom sfidi ġodda. Huwa temm b’nota pożittiva – “li hemm tajjeb huwa l-fatt li l-poplu tagħna baqa’ jevolvi ruħu u jadatta għall-bidla taż-żminijiet. Barra minnhekk, illum hawn ħafna Maltin li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni u ma rridux ninsew li l-edukazzjoni hija l-aqwa arma biex niġġieldu l-faqar.

Dan biex ma nsemmix il-fatt li llum pajjiżna għandu struttura soċjali b’saħħitha ħafna grazzi għall-gvernijiet soċjalisti speċjalment minn żmien il-Perit Mintoff ’il quddiem. Fid-dawl ta’ dan, il-poplu tagħna għalhekk mhuwiex jagħmel protesti bħal tal-1919, għax hemm xibka soċjali li tgħin min-naħa tal-Istat u bis-saħħa t’hekk, il-weġgħat huma kkontrollati b’mod u manjiera li l-Gvern qiegħed jagħti l-kontribut kontinwu min-naħa tiegħu u serħan il-moħħ.

Però l-isfidi tal-Maltin ma jibqgħux biss dawk tal-għoli tal-ħajja biex jixtri l-ikel, iżda anke l-għoli bla preċedent fil-prezzijiet tal-bini jew tal-kiri tal-proprjetà fejn jgħix. Hemm ukoll l-investiment infrastrutturali li wieħed irid minħabba l-bidla fil-klima.

Apparti minnhekk, l-akbar sfida li attwalment nara hija li nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin u fuq kollox nittolleraw lil xulxin ħalli kulħadd iħoss li għandu kontribut siewi x’jagħti lis-soċjetà. Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż naslu f’sitwazzjoni li jkun hemm faxxa żgħira ta’ persuni li jiddettaw kull ma jiġri fil-bqija tas-soċjetà”.

F’din l-intervista qbadna wkoll mal-kontroversja li għaddejja bħalissa dwar il-“capping” tal-prezzijiet biex il-poplu ma jinqabadx fil-morsa tal-għoli tal-ħajja. Clint Flores qalilna li llum il-ġurnata, meta wieħed jikkonsidra s-sitwazzjoni tas-suq ħieles, li jkollok “capping” tal-prezzijiet mhiex possibbli.

Dan l-ekonomista spjega kif li huwa possibbli huwa l-għoti ta’ sussidji. “Fi żmien il-Perit Mintoff u anke fi żminijiet sussegwenti qabel ma pajjiżna sar membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, il-kunċett tal-“capping” kien possibbli. Huwa stat ta’ fatt li llum il-ġurnata, ħafna mil-liġijiet tagħna joħorġu mit-trattati tal-Unjoni Ewropea, minħabba d-duttrina tal-“Effett Dirett” li tgħallimna li tali trattati huma direttament applikabbli fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, min jaħseb li jista’ jdur magħhom, sejjer żball,” iddikjara Flores.

Huwa jemmen li dan il-Gvern għandu pjan ekonomiku li l-poplu jista’ jpoġġi rasu fuq l-imħadda għax jaf li l-Gvern se jidħol jgħin bis-sussidju u joħroġ għonqu għan-nies biex dawn jgħixu komdi.

“It-tmexxija Ingliża fiż-żminijiet diffiċli ta’ u wara l-Ewwel Gwerra Dinjija bla ma rrid inxebbaħha mat-tmexxijiet ta’ ħaddieħor fi żmien ir-riċessjoni tal-2008, jemmnu f’suq li jsuq. Dan għax meta l-maltemp li kien hemm barra minn Malta laħaq xtutna ma sar xejn biex jassorbu u jieħdu fuqhom iż-żieda tal-prezzijiet ħalli l-poplu jibqa’ jgħix komdu. Fil-fatt is-suq baqa’ isuq bħalma ġara taħt l-Ingliżi.

Biex ma niddevjax, nemmen li jekk is-sitwazzoni tal-gwerra attwali tikkalma u jitħallew joħorġu wkoll il-provvisti tal-qamħ mill-portijiet tal-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tippjana aħjar kemm għall-ħażna anke qabel ix-xitwa u l-impatt ikun ferm inqas u mmorru lura għal-livelli ta’ inflazzoni kkontrollata”.

Sport