Dr Lydia Abela se tkun qed tinnonima liż-żagħżugħ maħbub Jake Vella għal Ġieħ ir-Republikka bħala rikonoxximent nazzjonali għall-impatt pożittiv li ħalla fuq is-soċjetà Maltija bil-kuraġġ u l-enerġija tiegħu.
Lydia Abela tat din l-aħbar fir-residenza tal-ġenituri ta’ Jake f’Birżebbuġa u wara li tkellmet mal-istess ġenituri.
Jake Vella serva ta’ ispirazzjoni għal pajjiż kollu. Ma ħalliex marda rari tostakola l-aspirazzjonijiet tiegħu bħala atleta, attivist għad-drittijiet tal-annimali u dilettant tal-mużika. Dan huwa legat li jrid jkompli jgħix.
Lydia Abela se tressaq ’il quddiem din in-nomina wara li tkellmet mal-ġenituri ta’ Jake, Maruska u Josie.
Dr Abela fissret lil Jake bħala altruwist straordinarju li, minkejja l-isfidi personali li ffaċċja, dejjem ra kif jagħmel biex iferraħ lil ħaddiehor, speċjalment lil dawk li m’għandhomx vuċi. Ittrażmetta l-imħabba u ġab lin-nies flimkien.
“Jake huwa meqjus bħala eroj. Għex it-tbatija, iżda kellu passjoni favur il-ħajja. Huwa eżempju għalina lkoll ta’ kif m’għandek taqta qalbek qatt,” qalet mart il-Prim Ministru.
Dr Abela temmet tgħid li dan iż-żagħżugħ intelliġenti rebaħ il-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin bit-tbissima unika u għajnejn jixgħelu bil-ferħ, u għalhekk m’hemmx dubju li l-poplu huwa maqgħud wara din in-nomina għal rikonoxximent ta’ Ġieħ ir-Repubblika.
Il-ġenituri ta’ Jake laqgħu din l-aħbar b’emozzjoni u rringrazzjaw lil mart il-Prim Ministru għal dan il-ġest. Esprimew ukoll l-apprezzament tagħhom għall-mod kif mijiet kbar ta’ nies qed jagħżlu li jkunu xhieda tal-influwenza pożittiva li ħalla Jake fil-ħajja tagħhom.