Monday, May 13, 2024

Iż-żagħżugħ li tilef ħajtu biex isalva grupp ta’ tfal li kienu nieqsa waqt ħarġa tal-mużew

Il-21 anniversarju mill-mewt ta’ Antoine Randich.

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Illum huwa l-anniversarju mill-mewt ta’ Antoine Randich, iż-żagħżugħ ta’ 26 sena soċju tal-MUSEUM Żabbari li fil-jum tal-Ħamis, 30 ta’ Awwissu 2001 tilef ħajtu traġikament fil-bajja tax-Xlendi. Din it-traġedja seħħet waqt mawra ta’ ġurnata f’Għawdex li fiha Antoine ħareġ grupp ta’ tfal u żgħażagħ mill-qasam ta’ Marsacala.

L-inċident fatali li ħasad lil kull min kien jaf lil Antoine seħħ wara li dan is-soċju tal-MUSEUM, bħala wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-mawra, ried jiċċekkja jekk kienx għad hemm xi tfal jgħumu qabel jiġu lura Malta. F’din l-aħħar parti tal-ħarġa kien hemm għar li biex tilħqu trid tgħum ‘il barra u ddur mal-blat. 

F’ħin minnhom ġie nnotat li fil-fatt kien hemm xi tfal neqsin mill-bqija tal-grupp u kien hawn li Antoine mar ifittixhom. Huwa ħaseb li kienu proprju f’dan l-għar u mar ifittixhom. Ftit wara ġie nnotat li Antoine ma rritornax u dan ma kienx soltu tiegħu. 

Sfortunatament, waqt li kien qiegħed ifittex lil dawn it-tfal, huwa għereq. Antoine kien instab mejjet u ttella’ f’wiċċ il-baħar fl-istess bajja tax-Xlendi bil-midalja tal-Madonna Mirakoluża f’ħalqu, xhieda ta’ kemm kien persuna ta’ fidi kbira. 

Aktar milli kif miet, kif għex…

F’messaġġ fuq il-midja soċjali li fakkar dan l-anniversarju jingħad li, “din il-mewta kienet ħasda kbira għalina. Biss, fl-istess waqt, kienet ta’ ispirazzjoni u ta’ kuraġġ kbir bl-att erojku li wettaq Antoine li sfortunatament kien il-kawża ta’ mewtu u l-fidi kbira li kellu”.

Minkejja għaddew ħafna snin Antoine għadu jissemma’ fost it-tfal tal-mużew li kienu saru jafuh u huwa mfakkar bħala żagħżugħ ferrieħi ħafna li lura fl-1997 kien ġibed ħafna żgħażagħ lejh u lejn il-mużew. Huwa kien jagħmel ħafna ġid mhux biss mat-tfal u żgħażagħ tal-mużew, iżda anke ma’ nies oħra tant li ħalla impatt kbir fiċ-ċirku kbir li kien ikun fih. 

L-aħħar tislima kienet ingħatatlu fil-Knisja tal-Grazzja ta’ Ħaż-Żabbar fejn kien hemm folla kbira ta’ nies.

Sport