Tuesday, January 21, 2025

IŻ-ŻAMMA TAL-INDAFA PUBBLIKA 

Aqra wkoll

Ilkoll nafu kemm l-indafa pubblika hija importanti fejn tidħol il-kwalità tal-ħajja. Irridu kemm jista’ jkun li l-lokalitajiet tagħna jinżammu nodfa għax dan ikun ifisser ambjent aħjar li minnu jgawdu mhux biss ir-residenti iżda wkoll it-turisti li jiġu jżuruna. Biex pajjiżna jinżamm nadif, ix-xogħol jitwettaq minn diversi entitajiet governattivi fosthom id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, b’ħidma li ma taqta’ xejn matul is-sena kollha.

Fil-fatt, il-ħidma ta’ dawn l-entitajiet qiegħda tħalli frott. Tant hu hekk li s-sena li għaddiet, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabret mas-57,600 tunnellata ta’ skart, fil-maġġor parti tagħhom (46,000 tunnellata) ikunu skart tal-kostruzzjoni. B’kollox, fl-2024, id-Diviżjoni rċeviet madwar 20,000 każ, b’96% minnhom ġew riżolti f’temp qasir ta’ żmien jew inkella fi żmien raġjonevoli.

Dawn ir-riżultati setgħu jinkisbu grazzi għad-dedikazzjoni u l-impenn tal-ħaddiema tad-Diviżjoni li ta’ kuljum jaħdmu qatigħ biex jaraw li l-lokalitajiet tagħna jinżammu sbieħ u ndaf. Għalhekk minn dawn il-kolonni ma nistgħux ma nfaħħrux ix-xogħol imwettaq minn dawn il-ħaddiem u anke l-investiment li qiegħed isir f’makkinarju ġdid illi jaħdem bl-elettriku. Dan bl-iskop li jkun hemm tindif regolari fit-toroq tagħna u anke jservi ta’ għajnuna għall-ħaddiema responsabbli mit-tindif.

F’dan il-kuntest, wieħed jinnota wkoll il-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali fir-rigward ta’ proġetti oħra li mistennija jsiru din is-sena, anke bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni minn dan kollu tidher li se tkompli timpenja ruħha biex tassisti lill-komunità sabiex jitjieb is-servizz u anke ttejjeb l-operat tagħha.

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux id-diversi kampanji ta’ għarfien li jsiru minn żmien għal żmien f’pajjiżna fosthom dik ta’ Xummiemu li għandha l-għan li ttejjeb l-indafa pubblika madwar il-pajjiż, u l-importanza li titrawwem kultura ta’ ndafa anke sa minn età żgħira. Bħalma ngħidu dejjem kull kampanja fiha l-benefiċċju tagħha, għaliex permezz ta’ dawn il-kampanji jingħata aktar għarfien tal-bżonnijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati.

Imma fuq kollox, jeħtieġ li kull wieħed u waħda minna jagħmel ukoll il-parti tiegħu fiż-żamma ta’ lokalitajiet u ambjent nodfa, sani u protetti. Biex b’hekk dawn ikunu jistgħu jitgawdew mhux biss mill-ġenerazzjonijiet preżenti imma wkoll dawk futuri. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport