Sunday, November 23, 2025

Iż-żgħażagħ b’ideat sublimi

Aqra wkoll

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika hi kruċjali mhux biss għat-tħaris tad-demokrazija imma wkoll għat-tkomplija tal-proċess demokratiku. Jekk ma jkunx hemm iż-żgħażagħ ma jistax ikun hemm ġenerazzjoni politika fil-futur. Għalhekk anke l-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż jiddependi, jekk mhux għalkollox, almenu sostanzjalment fuq il-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Dan l-aspett ilu li ġie rikonoxxut mill-Gvern Laburista tant li sentejn ilu twaqqaf il-Youth Advisory Forum, fejn iż-żgħażagħ jaqsmu l-ideat tagħhom dwar diversi temi ta’ importanza nazzjonali direttament mal-Prim Ministru u membri tal-Kabinett. Issa fit-tieni terminu tiegħu, dan il-forum qed ikompli jħalli l-impatt mixtieq tant li diversi miżuri u liġijiet ġew imressqa wara proposti b’saħħithom li waslu mingħand iż-żgħażagħ infushom. 

Dan kollu juri li l-involviment taż-żgħażagħ qed iservi ta’ xprun għal perspettivi oġġettivi u ideat fiski. Dan jgħodd aktar u aktar illum, meta l-Gvern qiegħed jagħmel enfasi akbar fuq il-kwalità filwaqt li jkompli jsostni l-familji u n-negozji. Dan fi sfond ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu li jkompli jappoġġja l-investiment u jkattar il-ġid. 

Waħda mill-proposti riċenti li kienu mressqa miż-żgħażagħ fuq dan il-forum u li qed narawha tiġi implimentata fil-prattika kienet dik relatata mal-ambjent. Iż-żgħażagħ kienu tkellmu dwar il-bżonn li jkun hemm aktar informazzjoni biex in-nies ikunu aktar infurmati dwar fejn jinsabu l-ispazji miftuħa madwar il-gżejjer Maltin. 

B’hekk inħolqot il-webapp Parks in Malta, li tista’ titniżżel direttament fuq il-mobile u li għandha l-għan li minnha jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin billi tagħtik direzzjoni lejn l-ispazju miftuħ li wieħed ikun irid imur fih.  B’hekk, f’temp ta’ ftit sekondi, in-nies, partikolarment il-ġenerazzjoni żagħżugħa, se jkollhom aċċess għal aktar minn 200 spazju ta’ rikreazzjoni – ġonna, parks u bandli – spazji fejn jistgħu jagħżlu biex jgħaddu l-ħin ta’ rilassament tagħhom. 

Dawn l-ispazji miftuħa huma wkoll neċessarji u kruċjali għall-benesseri mentali. Xi ħaġa li ż-żgħażagħ jisħqu wkoll dwarha, li jkunu offruti aktar servizzi relatati mas-saħħa mentali b’mod partikolari fil-komunità, kif fil-fatt qiegħed isir. Fost temi oħra li ż-żgħażagħ urew interess fihom hemm ukoll it-trasport u l-infrastruttura, temi oħrajn legali, il-labour migration policy u l-Viżjoni Malta 2050. Dan ixejjen kull argument li ż-żgħażagħ mhumiex interessati fil-politika. Altru minn hekk. 

Għalhekk, kif mistqarr minn dawn iż-żgħażagħ infushom, l-esperjenza tagħhom f’dan il-forum hi waħda pożittiva u l-fatt li jistgħu jħallu impatt billi jsemmgħu l-vuċi tagħhom, anke dwar temi li ħafna drabi jirrikjedu diskussjoni wiesgħa, hi xi ħaġa ta’ min jammiraha u dan nawguraw li jkompli jkun fil-ġejjieni għall-ġid ta’ pajjiżna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport