Monday, November 4, 2024

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ GĦANDHOM JASPIRAW GĦAL PAJJIŻ AĦJAR

Aqra wkoll

Il-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada li fuqhom għad taqa’ r-responsabbiltà tat-tmexxija ta’ dan il-pajjiż. Dan ifisser li dak li jagħmlu llum ikun rifless fil-ġejjieni bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħu. 

Għax huma pilastru ewlieni fis-soċjetà tal-lum, iż-żgħażagħ għandhom l-enerġija, id-determinazzjoni u l-ideat biex jagħmlu dan il-pajjiż aħjar. U llum il-ġurnata, għandhom l-opportunitajiet u l-faċilitajiet kollha biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Għaldaqstant huwa kruċjali li nagħtu liż-żgħażagħ spazju ewlieni biex ikunu kontributuri ewlenin fit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna. Qatt daqs illum ma jinħass il-bżonn li ninvestu fiż-żgħażagħ. U dan l-investiment ma naqasx milli jkun inkorporat fil-budget għas-sena d-dieħla.

Għaldaqstant, ma nistgħu qatt naċċettaw realtà fejn tfal li jagħmlu 13-il sena fl-edukazzjoni obbligatorja joħorġu mis-sistema mingħajr il-ħiliet neċessarji fid-dinja moderna. 

Il-gvern qed jerfa’ r-responsabbiltà li dan il-vjaġġ edukattiv ta’ kull student ikun wieħed b’saħħtu li jinkoraġġihom biex jikbru u jimirħu fl-opportunitajiet li jistgħu jiġu quddiemhom.

Is-sistema edukattiva ghandha tkun ukoll opportunità ghalina biex ingawdu mill-ideat, l-innovazzjoni, il-kreattività u l-enerġija li għandhom iż-żgħażagħ.

Bil-budget li għadu kif tressaq il-Gvern qed jimpenja ruħu li joffri liż-żgħażagħ l-għodda kollha meħtieġa sabiex jilħqu l-milja tagħhom mhux biss fl-edukazzjoni tagħhom imma wkoll fl-iżvilupp tal-personalità. Dan għax l-edukazzjoni m’għandhiex tkun biss suġġetti akkademiċi imma wkoll vokazzjonali li tati spinta liż-żgħażagħ jiksbu aktar ħiliet. 

Illum il-ġurnata, nitkellmu spiss dwar l-importanza tal-qasam diġitali u għalhekk iż-żgħażagħ għandhom ikunu promuturi biex din il-qalba tkun aktar effettiva u ta’ ġid għal kulħadd.

L-inizjattivi meħuda fil-Budget 2023 kif ukoll l-istrateġiji mħejjija mill-gvern tul dawn l-aħħar xhur u snin se jgħinu biex dan kollu jintlaħaq. Importanti li dan ma jiġix ikkunsidrat bħala t-tmiem ta’ proċess imma bħala l-bidu ta’ viżjoni fejn iż-żgħażagħ se jikkontribwixxu għal soċjetà b’saħħitha, għal pajjiż b’viżjoni u għal Malta aħjar. 

Huwa ttamat li l-edukazzjoni tibqa’ tixpruna lil dawn iż-żgħażagħ sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u fl-istess waqt li tbegħedhom mill-vizzjiet li finalment jherru s-sisien tas-soċjetà.

Sport