Saturday, December 28, 2024

“Iż-żgħażagħ huma l-pijunieri tal-paċi, is-sostenibbiltà u s-sigurtà” – il-Ministru Ian Borg

Iż-żgħażagħ tal-MaltMUN jippreżentaw il-konklużjonijiet tal-Konferenza Annwali 2024

Aqra wkoll

“Iż-żgħażagħ mhumiex biss il-mexxejja ta’ għada, iżda wkoll iċ-ċavetta biex insolvu l-kwistjonijiet globali l-aktar urġenti tagħna llum – intom il-pijunieri tal-paċi, is-sostenibbiltà u s-sigurtà.” Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg esprima l-impenn ta’ Malta għat-tisħiħ tal-irwol taż-żgħażagħ waqt laqgħa mal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Model United Nations Society (MaltMUN), fil-Parlament, il-Belt Valletta.

MaltMUN hija organizzazzjoni volontarja impenjata li tkattar l-eċċellenza fost iż-żgħażagħ, filwaqt li tħejjihom biex jipparteċipaw f’konferenzi Mudell tan-Nazzjonijiet Maqgħuda f’Malta u f’pajjiżi oħra. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ipprovda appoġġ finanzjarju lill-MaltMUN għall-Konferenza Annwali tagħha tal-2024, li saret ftit ġimgħat ilu fil-Belt Valletta, bit-tema, “Global Resolve: Charting a Path to Stability”. Il-konferenza ġabret flimkien madwar 70 delegat żgħażagħ minn Malta u diversi pajjiżi oħra, wieħed mill-akbar ammonti ta’ parteċipanti minn mindu dan l-avveniment sar għall-ewwel darba fl-2015.

“Meta ninvestu fl-iżvilupp ta’ mexxejja żgħażagħ, qed nikkontribwixxu għal dinja aktar stabbli u paċifika,” qal il-Ministru Borg, hekk kif saħaq fuq l-isforzi kontinwi ta’ Malta biex timpenja liż-żgħażagħ f’fora internazzjonali differenti. “L-inklużjoni taż-żgħażagħ fi djalogu dwar l-isfidi globali attwali hija essenzjali biex niksbu paċi dejjiema u sostenibbli. Intom ukoll aġenti pożittivi fir-rispons kollettiv tagħna dwar l-emerġenza klimatika u l-adozzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa biex nevitaw aktar konsegwenzi fil-futur,” żied jgħid il-Ministru Borg.

Waqt il-laqgħa, ir-rappreżentanti tal-MaltMUN ippreżentaw l-erba’ riżoluzzjonijiet adottati mill-Konferenza tal-2024, fosthom riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-gwerra Russa fl-Ukrajna fuq l-edukazzjoni tat-tfal, riżoluzzjoni dwar miżuri ġodda biex iħarsu r-rotot tal-kummerċ marittimu mill-konsegwenzi tal-piraterija u theddid ieħor relatat, riżoluzzjoni li titlob it-tisħiħ tal-missjonijiet tal-OSCE fl-Asja Ċentrali, kif ukoll riżoluzzjoni li tappella għal aktar għajnuna umanitarja lin-nies fil-Mjanmar.

Michael Gatt, Segretarju Ġenerali tal-MaltMUN, qal “Waqt il-Konferenza 2024, rajna ideat ġodda u soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi li d-dinja tagħna qed tiffaċċja. Dan huwa xhieda tal-kreattività u l-kapaċità fit-tmexxija li ż-żgħażagħ urew waqt din il-konferenza, kemm fl-organizzazzjoni kif ukoll waqt il-parteċipazzjoni tagħhom.”

Ekonomija

Sport