Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Chairperson tal-Kunsill Malti għas-settur voluntarju (Malta Council Voluntary Sector).
Il-pożizzjoni ta’ Chairperson tal-MCVS mhix waħda li tagħti xi poteri u mhux marbuta ma pakkett finanzjarju, dan fl-ispirtu tal-istess kunċett tal-volontarjat li wieħed jikkontribwixxi minn jeddu u mingħajr ma jitħallas tax-xogħol li jagħmel.
Ir-rowl ta’ Chairperson joħroġ mill-Liġi tal-Għaqdiet Volontarji li tirregola s-settur. Il-liġi titlob li jkun hemm kunsill magħmul minn 11-il membu, 6 eletti mis-settur stess u 4 maħtura mill-ministru u persuna oħra tirrapreżenta l-gvern fuq il-kunsill. Jien ilni membru fil-kunsill għal madwar 8 snin u din is-sena wara li kont eletta għal darb’oħra fuq il-kunsill ħassejt li stajt ngħati ftit iktar lis-settur billi noffri s-servizzi tiegħi għal kariga ta’ Chairperson wara li rajt vot ta’ fiduċja mill-kunsilliera l-oħra membri fuq il-kunsill.
Bħala Chairperson nixtieq li nara li s-settur ikompli jimxi l-quddiem, jingħata iktar rikonoxximent għax-xogħol li jwettaq fil-komunita’ u nixtieq nara aktar persuni li joffru l-ħin tagħhom f’attivita volontarja.
Kemm għadu rilevanti l-voluntier illum f’pajjiżna?
Il-voluntier hu rilevanti dejjem u kullimkien mhux biss f’pajjiżna. F’Malta għad għandna sens qawwi ta’ solidarjetà u sens ċiviku u dan hu dak li jwassal persuni biex jidħlu għal volontarjat.
Fl-eqqel żmien tal-pandemija ħdimt ma’ ‘l fuq minn 800 voluntier li għenu fix-xogħol tas-saħħa pubblika mill-informazjoni, contact tracing, testing sa kemm beda jingħata l-vaċċin. Il-ħidma ta’ kulħadd flimkien min ftit, u min aktar, kienet esperjenza inkredibbli li anke l-awtoritajiet sal-lum għadhom jirrikonoxxu li mingħajr il-voluntiera ma kienx ikollna s-suċċessi li kellna fil-pajjiż.
Min-naħa l-oħra hemm volontarjat li wieħed bil-kemm jinduna li hu volontarjat eż numru ta’ ġenituri jiftehem biex iwasslu l-uliedhom għal xi attività, skola jew persuna li tagħti każ taqdi persuna anzjana li toqgħod fl-istess triq eċċ. Dawn it-tip ta’ attivitajiet ħafna individwi bil-kemm iqisu li huma voluntiera u huma dawn l-attivitajiet li jgħatu l-eżempju liż-żgħar u jwasslu biex titkattar il-kultura tal-volontarjat fis-soċjeta’ Maltija.
Hemm għadd ta’ voluntiera li jgħatu sehemhom b’mod regolari waqt li oħrajn jiddedikaw żmien fis-sena jew għal xi attivita partikolari. Biss is-sehem ta’ kulħadd hu imprezzabbli. Għal dan il-għan din is-sena il-kunsill waqqaf pjattaforma fejn wieħed li hu interessat li joffri sehemu bħala voluntier jista jirreġistra fuq is-sit https://volunteers.mt/ u min hemm ngħinuh isib għaqda fejn jista’ jgħati sehemu.
Għadhom importanti l-għaqdiet volontarji llum f’pajjiżna?
Is-settur volontarju hu b’saħħtu f’Malta u kien pass fid-direzzjoni t-tajba li fl-2008 saret il-liġi biex l-għaqdiet ikunu regolariżżati u b’hekk ix-xogħol tal-għaqdiet ġie iktar rikonoxxut.
Diversi entitajiet jibdew minn bżonn li wieħed iħoss jew kawża li wieħed jara li hemm bżonn tkun inidirizzata iżda meta jidħlu iktar nies u anke jidħol l-element finanzjaru, għax kollox fih l-ispejjeż tiegħu, hemm jidħol l-element tas-serjeta u fejn entita trid tiġi reġistrat mal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji skond il-liġi. Meta għaqda tkun organizzata u regolata din taqa’ direttament taħt il-kunsill u tista’ wkoll tibbenefika minn diversi għajnuniet li joffri l-kunsill minn żmien għall-ieħor.
L-għaqdiet volontarji joffru lok ta’ żvog għal bosta f’ambjent san, joffru taħriġ u informazzjoni f’diversi oqsma tal-ħajja eż sports, saħħa, ambjent u kultura. Barra l-aspett volontarju hemm għaqdiet li huma reġistrati bħala għaqdiet volontarji li huma saħansitra importanti għal servizz li huma offruti mill-Gvern minħabba li llum hemm bosta għaqdiet li għandhom kuntratti ta’ servizz ofruti mill-Gvern. Dawn qed joffru servizzi indispensabbli għas-soċjetà Maltija u jekk jieqfu jkollna problemi kbar.
Iż-żgħażagħ għadhom ifittxu li jagħmlu volontarjat?
Iż-żgħażagħ huma l-qalb u l-futur tal-volontarjat. Dan rajnih ċar fil-mijiet ta’ żgħażagħ li taw sehemhom fl-aħħar avveniment sportiv fil-pajjiż.
Huma ukoll ħafna żgħażagħ li joffru l-ħin u t-talenti tagħhom f’għaqdiet sportivi, kulturali, artistiċi u dawk li jaħdmu direttament mat-tfal. F’dawn l-għaqdiet iż-żgħażagħ isibu spazji fejn jistgħu jitgħallmu ħiliet li mill-bank tal-iskola żgur li ma jitgħallmuhomx eż kif wieħed jorganizza attivita, kif wieħed imexxi tim jew entita, aspetti finanzjari u kif wieħed jippjana, japplika u jimplimenta proġett. Għalhekk hu tant sabiħ meta nattendi attivitajiet minn għaqdiet u tara żgħażagħ jikkontribwixxu b’mod attiv u b’tant dedikazzjoni.
X’inhu l-futur tal-volontarjat f’pajjiżna?
Il-volontarjat jissejjaħ ukoll it-tielet pilastru fl-ekonomija tal-pajjiż. B’mod dirett l-għaqdiet volontari joffru mal-5,000 impjieg. Fl-istess waqt kieku tieqaf ċertu attività volontarja il-pajjiż jinbidel. Kif isiru l-festi? Kif isiru attivitajiet sportivi? Min jgħallem il-katekiżmu? U ħafna affarjijiet oħra. Il-futur tal-volontarjat hu fir-rikonoxximent lejn is-settur u lejn il-voluntiera li l-ħidma tagħhom ħafna drabi ma ngħatuhiex l-importanza li jistħoqqilha, forsi għax bla flus? Flimkien mal-Kunsill bħalissa bdejna programm ta’ informazzjoni u kuxjenza dwar il-volontarjat fl-iskejjel, dan hu mod prattiku ta’ kif insaħħu l-futur tal-volontarjat f’pajjiżna https://maltacvs.org/latest-news/new-volunteering-initiative-partnership-with-schools/.
Bħala kunsill noffru ukoll l-opportunita’ li żgħażagħ ‘jaħdmu’ bejn 6 xhur u sena ma’ għaqda tal-għażla tagħhom. Din tista’ tkun fuq proġett partikolari jew inizjattivi li għaqda tkun qed taħdem fuqhom. Min hu interessat li jkun jaf dwar opportunitajiet ta’ volontarjat kemm lokali kif ukoll barra min Malta jista’ jidħol fis-sit https://volunteers.mt/volunteer/ .
Bħala Chairperson jien ninkoraġġixxi l-għaqdiet li juru l-aprezzament tagħhom lejn dawn il-voluntiera żgħażagħ u nixtieq li l-ħidma tagħhom tkun imniżżla bħala parti mis-CV meta dawn jiġu għad-dinja tax-xogħol u jkollhom rikonoxximent meta japplikaw għal xogħol.