Friday, December 27, 2024

Iż-żgħażagħ jistgħu jgħinu biex titkattar il-fiduċja fil-Gvern Lokali (1)

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Riżorsa li forsi ftit ingħatat ċans tikber fil-passat, fil-Gvern Lokali u li xi kultant anki tittieħed forgranted, hija r-riżorsa taż-żgħażagħ. Riżorsa li tista’ tkun katalist ewlieni fi strateġija maħsuba biex tqarreb u tressaq ir-residenti lejn il-Gvernijiet Lokali tagħhom.

Iva, kultant iż-żgħażagħ qajla jiġu f’moħħna meta nitkellmu fuq strateġiji li permezz tagħhom inkattru l-livell ta’ parteċipazzjoni tar-resident. Dan jista’ jkun għal diversi fatturi. Dan kien isir għal diversi ragunijiet.

Forsi għax ma kinux għad għandhom dritt li jivvutaw, forsi għax ma jħallsux taxxi, għax ma jikkontribwixxux daqstant b’mod dirett fl-ekonomija tal-pajjiż, jew għax m’għandhomx proprjetà etċ. Minkejja dan, iż-żgħażagħ jirrapreżentaw il-futur tal-komunitajiet tagħna u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħna.

F’dan il-kuntest, il-Kunsilli taż-żgħażagħ huma kruċjali, huma opportunità unika biex il-Gvern Lokali ikun jista’ jinfiltra fl-iskejjel, kulleġġi u universitajiet tagħna. Huma wkoll għalqa li fiha nistgħu nikkultivaw l-interess fil-Gvern Lokali, fit-tħaddim tad-demokrazija lokali u fil-kunċett ta’ parteċipazzjoni diretta f’dak li jiġi deċiż madwarna fl-immedjat. Normalment, meta żagħżugħ jinvolvi ruħu, aktarx li jibqa’ resident parteċipattiv fil-lokal fejn jistabbilixxi ruħu bħala resident.

Kunsilli Lokali taż-żgħażagħ jista’ jkun strumentali wkoll sabiex jaħdem fuq it-tkattir ta’ fiduċja tan-nies fil-Kunsilli Lokali. Jista’ jkun li l-fiduċja tan-nies fil-Kunsilli Lokali naqqset xi ftit u dan huwa attribwit għal diversi fatturi. Dan rajnieh ukoll barra minn xtutna, għalkemm ir-raġunijiet jistgħu jkunu differenti wkoll, kif filfatt huma. Żgur li l-pandemija m’għenitx wisq għaliex id-distanza fiżika ħolqot ċertu vojt li konna kważi bdejna nidraw bih.

X’toffri l-partecipazzjoni

Meta jkollok faxxi fis-soċjetà li forsi jkunu ġew traskurati għal numru ta’ snin, ghaliex il-membri tal-kunsill ma jkunux fehmnu l-importanza li dawn il-gurppi jkunu parti mill-ħidma tal-Kunsill, ħafna drabi, demm ġdid, żgħażagħ jgħin biex tinbeda relazzjoni magħhom u jinbnew pontijiet li forsi qatt ma tkun inħasset il-ħtieġa li jinbnew qabel. Jeżistu diversi eżempji ta’ prattiċi tajba li jikkonfermaw dan, kemm f’pajjiżna kif ukoll lil hinn minnu.

Irridu nsemmu wkoll li l-partecipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet, hija dritt fundamentali. Huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin li jiggwidaw id-dikkjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom, iż-żgħażagħ ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jwettqu u jimplimentaw dak li huma jemmnu li hu tajjeb u ta’ ġid għall-komunità kif ukoll jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iżvilupp tal-lokalità. Mhux biss, iżda tkun qed tingħatalhom l-opportunità sabiex iħaddmu l-ħiliet tagħhom b’mod li jkunu ta’ servizz għal ħaddiehor. Dan jagħti garanzija u ċertezza li r-residenti adulti ta’ għada, għandhom fihom sens ċiviku b’saħħtu li jwassal għal diversi benefiċċji għal-lokalità.

Erasmus+

Bi tħejjija għal dan kollu, iż-żgħażagħ għandhom diversi opportunitajiet ta’ skambji u taħriġ sabiex ikattru l-ħiliet tagħhom f’dan ir-rigward. L-Erasmus+ li huwa programm imħaddem minn fondi Ewropej, huwa xempju ta’ dan.

Ejja nagħtu ħarsa lejn din l-inizjattiva u kif tista’ tgħin liż-żgħażagħ biex jiksbu l-ħiliet meħtieġġa.

Dan il-programm jappoġġja attivitajiet barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali li jħeġġu, irawmu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

L-Erasmus+ jappoġġja proġetti ta’ parteċipazzjoni lokali, nazzjonali, tranżnazzjonali u internazzjonali mmexxija miż-żgħażagħ u ġestiti minn gruppi informali ta’ żgħażagħ u/jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa u li jsegwu wieħed mill-objettivi li ġejjin jew aktar:

  • jipprovdu liż-żgħażagħ b’opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom u jitgħallmu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivika billi joffru perkorsi ta’ involviment għaż-żgħażagħ fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom iżda anke fil-ħajja demokratika, bil-għan li jkun hemm parteċipazzjoni ċivika, ekonomika, soċjali, kulturali u politika sinifikanti taż-żgħażagħ minn kull sfond, b’enfasi speċjali fuq dawk b’inqas opportunitajiet);
  • iqajmu sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar il-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali Ewropej u jikkontribwixxu għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, inkluż permezz tal-kontribuzzjoni għall-ilħuq ta’ wieħed mill-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ jew aktar;
  • jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu medjatiku taż-żgħażagħ (b’mod partikolari l-ħsieb kritiku u l-kapaċità li jivvalutaw u jaħdmu bl-informazzjoni) bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza taż-żgħażagħ għad-diżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz u l-propaganda, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika;
  • ilaqqgħu flimkien liż-żgħażagħ u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tranżnazzjonali u/jew jikkontribwixxu għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027  tistabbilixxi Qafas għal Koperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ”. Taħt il-qasam ewlieni “Involviment”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ timmira lejn parteċipazzjoni ċivika, ekonomika, soċjali, kulturali u politika sinifikanti taż-żgħażagħ. L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-involviment soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà.

Kuntest tal-politika

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi wkoll proċess ta’ djalogu maż-Żgħażagħ u f’dak il-kuntest, fl-2018 ġew żviluppati 11-il għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ, li jidentifikaw firxa ta’ oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati f’kull wieħed minnhom. Abbażi tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati żgħażagħ, kull ċiklu ta’ 18-il xahar tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jidentifika prijoritajiet tematiċi speċifiċi, magħżula biex isiru l-fokus tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ matul perjodu partikolari. 

Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS).

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

L-attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma attivitajiet ta’ apprendiment mhux formali li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ. Tali attivitajiet għandhom l-għan li jippermettu liż-żgħażagħ jesperjenzaw skambji, kooperazzjoni, azzjoni kulturali u ċivika. L-attivitajiet appoġġati għandhom jgħinu lill-parteċipanti jsaħħu l-kompetenzi personali, soċjali, taċ-ċittadinanza u dawk diġitali tagħhom u jsiru ċittadini Ewropej attivi.

Din l-Azzjoni tappoġġa l-użu ta’ forom alternattivi, innovattivi, intelliġenti u diġitali ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, inkluża l-estensjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’varjetà ta’ setturi u spazji (servizzi tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet sportivi eċċ., irrispettivament minn jekk dawn humiex operati mis-settur pubbliku jew privat), u b’hekk tiftaħ il-perkorsi għall-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ minn kull sfond.
L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jintużaw b’mod attiv biex isiru djalogi u diskussjonijiet bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ħalli tiġi promossa l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa. Bħala riżultat konkret, iż-żgħażagħ jistgħu jsemmgħu leħinhom (permezz tal-formulazzjoni ta’ pożizzjonijiet, proposti u rakkomandazzjonijiet) speċjalment dwar kif għandhom jitfasslu u jiġu implimentati l-politiki dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jieħdu wkoll il-forma ta’ azzjoni ċivika u ta’ attiviżmu taż-żgħażagħ, li jippermettu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f’diversi modi biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet li huma importanti għalihom.

L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jkunu jew tranżnazzjonali (implimentati f’pajjiż parteċipant wieħed jew aktar u jinvolvu gruppi informali ta’ żgħażagħ u/jew organizzazzjonijiet minn diversi pajjiżi parteċipanti) jew nazzjonali informali ta’ żgħażagħ u/jew organizzazzjonijiet minn pajjiż parteċipant wieħed. L-attivitajiet nazzjonali tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma partikolarment adatti biex jittestjaw l-ideat fil-livell lokali u bħala għodda għas-segwitu ta’ inizjattivi preċedenti biex jgħinu fit-titjib u l-iżvilupp ulterjuri ta’ ideat ta’ suċċess.

L-attivitajiet kollha tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, irrispettivament mil-livell li fih jiġu implimentati, jeħtieġ ikollhom dimensjoni Ewropea ċara u/jew valur miżjud u kull attività individwali appoġġata trid tikkontribwixxi b’mod ċar biex jintlaħaq wieħed mill-objettivi tal-Azzjoni elenkati hawn fuq jew aktar.
L-attivitajiet appoġġati jistgħu jieħdu l-forma ta’ (jew ikunu taħlita ta’): workshops, dibattiti, logħob ta’ rwol, simulazzjonijiet, użu ta’ għodod diġitali (eż. għodod għad-demokrazija diġitali), kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ, laqgħat u forom oħrajn ta’ interazzjoni online jew offline bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, konsultazzjonijiet, avvenimenti ta’ informazzjoni u/jew kulturali eċċ.
Xi eżempji ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu implimentati fi ħdan proġett huma:

  • workshops u/jew laqgħat wiċċ imb wiċċ jew online, seminars jew avvenimenti/proċessi oħrajn fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew tranżnazzjonali li joffru spazju għal informazzjoni, dibattitu u parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom bħala ċittadini Ewropej attivi, li idealment jinkludu, iwasslu jew isegwu l-interazzjonijiet ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u partijiet ikkonċernati oħrajn ikkonċernati minn tali kwistjonijiet;
  • konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ li jidentifikaw suġġetti/kwistjonijiet ta’ rilevanza speċifika għalihom (fil-kuntest lokali, reġjonali, nazzjonali jew tranżnazzjonali) u jidentifikaw il-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni fl-indirizzar ta’ tali suġġetti/kwistjonijiet;
  • kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, inklużi avvenimenti ta’ informazzjoni u/jew kulturali marbuta ma’ sfidi speċifiċi tas-soċjetà rilevanti għaż-żgħażagħ;
  • il-faċilitazzjoni tal-aċċess għal spazji virtwali u/jew fiżiċi miftuħa, sikuri u aċċessibbli għaż-żgħażagħ, li joffru opportunitajiet effettivi għall-apprendiment sabiex wieħed jipparteċipa fil-ħajja u l-proċessi demokratiċi;
  • simulazzjonijiet tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-rwoli ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan tali istituzzjonijiet.
Ekonomija

Sport