Saturday, December 14, 2024

Iż-żgħażagħ Maltin huma fost l-ogħla fl-UE li jixtru prodotti foloz online

Aqra wkoll

Iż-żgħażagħ Maltin, b’rata ta’ 41%, huma fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea li xtraw prodotti mill-internet meta kienu jafu li l-istess prodotti kienu foloz. Fl-istess waqt, 43% taż-żgħażagħ Maltin aċċessaw b’mod konxju kontenut pirata. Dan il-perċentwal huwa l-ogħla wieħed fl-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-piraterija.

Dawn il-figuri ħarġu ċar minn stħarriġ li sar għas-sena li għaddiet mill-Uffiċċju tal-Propjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea fost żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena. L-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tabella ta’ Valutazzjoni dwar il-Propjetà Intellettwali u ż-Żgħażagħ tipprovdi aġġornament dwar l-imġiba taż-żgħażagħ lejn il-ksur tal-propjetà intellettwali f’kuntest ta’ wara l-pandemija.

Fuq livell Ewropew, iktar min-nofs (52 %) iż-żgħażagħ mistħarrġa qalu li kienu xtraw mill-inqas prodott wieħed falz online matul l-aħħar sena — kemm intenzjonalment kif ukoll bi żball — u terz qalu li kienu aċċessaw kontenut diġitali minn sorsi illegali. 

L-istħarriġ iħares lejn iż-żewġ naħat tal-ksur tal-propjetà intellettwali: ix-xejriet fost iż-żgħażagħ li jixtru oġġetti foloz u li jaċċessaw kontenut pirata, filwaqt li jivvaluta x-xejriet mill-2016 ’il hawn. 

Meta wieħed iħares lejn dawk li għamluha apposta jsib li 37% xtraw prodott falz u 21% użaw, daqqew, niżżlu jew raw kontenut minn sorsi illegali.

Fost ir-raġunijiet li ssemmew għal dawn l-illegalitajiet hemm il-prezz u d-disponibilità bħala fatturi ewlenin għax-xiri ta’ oġġetti foloz u għall-piraterija diġitali minkejja li 60% taż-żgħażagħ Ewropej qalu li jippreferu jaċċessaw kontenut diġitali minn sorsi legali. F’Malta, dan il-perċentwal jammonta għal 40%.

B’riflessjoni tal-kuntest ta’ wara l-pandemija, l-istħarriġ il-ġdid ikkonferma li 37 % taż-żgħażagħ xtraw prodott wieħed falz jew aktar, intenzjonalment, u din hija żieda sinifikanti meta mqabbla mar-riżultati preċedenti (14 % fl-2019). Iċ-ċifra tvarja b’mod partikolari minn pajjiż għal ieħor, u l-ogħla perċentwal kien fil-Greċja (62 %) u l-inqas fir-Repubblika Ċeka (24 %). 

Il-prodotti foloz li ż-żgħażagħ l-aktar li jixtru intenzjonalment huma ħwejjeġ u aċċessorji segwiti minn żraben u apparat elettroniku u prodotti tal-iġjene, kożmetiċi, prodotti tal-kura personali u fwejjaħ. 

Fir-rigward tal-kontenut diġitali, l-aċċess minn sorsi legali qed jikber fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Kienu 60 % li qalu li ma kinux użaw, lagħbu, niżżlu jew raw, permezz ta’ streaming, kontenut minn sorsi illegali fl-aħħar sena meta mqabbel ma’ 51 % fl-2019, u 40 % fl-2016. 

Madankollu, il-piraterija intenzjonata tibqa’ stabbli, u wieħed minn kull ħamsa tal-konsumaturi żgħażagħ jirrikonoxxu li f’dawn l-aħħar 12-il xahar kienu aċċessaw kontenut pirata b’mod konxju. Proporzjon sinifikanti ta’ żgħażagħ ġew imqarrqa fl-aċċess għall-kontenut pirata.

Dawk li aċċessaw kontenut pirata biż-żball jammontaw għal 12 %, mentri dawk li ma jafux jekk aċċessawx kienu 7%. It-tip ewlieni ta’ kontenut pirata kien fil-films (61 %) u serje tat-TV (52 %), segwiti mill-mużika (36 %), primarjament bl-użu ta’ websites, apps u kanali tal-midja soċjali dedikati.

Ekonomija

Sport