Tuesday, August 5, 2025

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ PERN TAL-FUTUR

Aqra wkoll

Huma għalkollox korretti dawk li jsostnu li l-ġenerazzjoni żagħżugħa hija l-ġejjieni ta’ pajjiżna. Dan għaliex it-tmexxija tal-ġejjieni ta’ pajjiżna trid tinbena minn fost iż-żgħażagħ tal-lum. Għalhekk huwa importanti illi l-vuċi taż-żgħażagħ ma tiġix skartata, anzi tibqa’ tiġi mismugħa.

Aħna konvinti li dan il-proċess f’pajjiżna qed iseħħ. Tant hu hekk illi l-Prim Ministru Robert Abela kien ħa l-inizjattiva biex iwaqqaf dak li sejjaħ Youth Advisory Forum, li għandu jkun il-pjattaforma fejn iż-żgħażagħ iressqu l-ħsibijiet tagħhom, x’qed idejjaqhom jew x’jixtiequ jtejbu b’mod ġenerali fil-ħajja ta’ pajjiżna. 

Anke fil-qasam ekonomiku, iż-żgħażagħ Maltin mhux minsija, tant li l-Gvern għadu impenjat, u jġorr l-obbligu, tal-iskema msejħa Youth Guarantee, li kienet ġiet adottata fl-2013 mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li dawk iż-żgħażagħ li ma kinux f’impjieg jew fl-edukazzjoni jingħataw ħiliet biex itejbu s-sitwazzjonijiet tagħhom infushom.

Hawn ninnutaw li anke fis-settur edukattiv, iż-żgħażagħ għamlu passi ’l quddiem billi llum inqas tfal qed iħallu l-iskola kmieni u jagħżlu li jibqgħu fl-edukazzjoni saħanistra li anke qed jaslu sal-livell terzjarju. Dan jawgura tajjeb biex pajjiżna jkollu ħaddiema biżżejjed f’kull livell ekonomiku, partikolarment dak professjonali.

Sfortunatament, kien hemm żmien fejn iż-żgħażagħ kienu ġew ittimbrati b’diversi aġġettivi. Madanakollu, il-maġġoranza assoluta taż-żgħażagħ huma ġenerazzjoni li jafu xi jridu u huma attivi b’diversi esperenzi.

Proprju fil-jiem li għaddew, iż-żgħażagħ Maltin ingħaqdu ma’ żgħażagħ minn madwar id-dinja kollu, biex daħlu fil-livell spiritwali u dan rajnieh iseħħ bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-Ġublew taż-Żgħażagħ f’Ruma, fejn urew li kienu hemm mhux għal xi vaganza imma għal esperjenza spiritwali. 

Iż-żgħażagħ kollha li nġabru f’Ruma semgħu lill-Papa Ljun XIV jgħidilhom u jħeġġiġhom biex ikomplu jissieltu għall-paċi dejjiema fid-dinja. Dan fil-kuntest li d-dinja teħtieġ messaġġi ta’ tama u ż-żgħażagħ jistgħu jkunu huma nfushom dawn il-messaġġi. 

Nemmnu wkoll li anke mill-aspett demokratiku, għandna nkomplu nħeġġu liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw attivament fil-politika. Aktar u aktar meta kien hemm żmien fejn in-nies kienu qed jitilfu ħafna mill-fiduċja tagħhom fil-politika b’detriment għall-ħajja demokratika ta’ pajjiżna. Dan ma ngħiduhx bil-kliem biss imma nixtiequ naraw aktar żgħażagħ li jaqbdu d-direzzjoni ta’ parteċipazzjoni attiva fil-proċess politiku, li huwa essenzjali għas-sistema parlamentari li hi attiva f’Malta. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport