Monday, December 23, 2024

IŻ-ŻGĦIR M’GĦANDUX JIĊĊAĦĦAD MINN BENEFIĊĊJI MAĦSUBIN GĦALIH

Aqra wkoll

Ninsabu fit-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali li se tkun qiegħda teħodna lejn l-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu. Il-ġurnata li fiha l-poplu Malti u Għawdxi se jkun mitlub jagħżel bejn il-proposti tal-partiti. Iż-żewġ partiti l-kbar bdew jifirxu fuq il-midja l-proposti mħejjijin minnhom biex jikkonvinċu lin-nies li huma għandhom l-aħjar pjan għal dawn il-ħames snin li ġejjin.

Lil hinn mill-għajta tal-Kap tal-Op­pożizzjoni li donna saret repetizzjoni rigward il-fatt li l-Prim Ministru qiegħed jikkupjalu l-ideat, nemmnu li hija ħaġa tajba li ż-żewġ mexxejja ħarġu bil-proposti tagħhom u qegħdin jitkellmu dwar “iż-żgħir”,“l-aktar batuti” u l-bżonn li dawn ma jitħallewx lura.

Waħda mill-proposti tal-Partit Laburista li kienet diskussa minn bosta kienet ċertament dik li jekk kemm-il darba jingħata l-fiduċja biex ikompli jiggverna, gvern Laburista se jkun qiegħed iservi ta’ spalla għal dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ darhom. Dan se jkun qiegħed jagħmlu billi għal dawk li saru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba minn Jannar, se jkun qiegħed iħallas €1,000 kull sena għal għaxar snin mis-self li jkunu ħadu mill-bank għal xiri ta’ proprjetà. B’dan il-mod kull min qiegħed jikkunsidra l-għażla li jagħmel dan il-pass, nemmnu li se jkun qiegħed isib l-imbuttatura li hemm bżonn biex jikkonvinċi lilu nnifsu li jista’ jasal biex jagħmel dan il-pass.

Nemmnu li din l-għotja tista’ tkun qiegħda twassal biex aktar persuni jagħmlu l-pass li jsiru sidien ta’ darhom u jinqalgħu minn kirjiet li s’issa kienu qegħdin iċaħħduhom minn dan il-privileġġ li jagħti sens ta’ dinjità lil min jirnexxilu.

Tkellimna ma’ persuni fis-settur u nemmnu li hija ħasra li dan l-inċentiv, li għadu biss fuq il-karta, diġà qiegħed joħloq tħassib li dan il-benefiċċju se jkun qiegħed jiġi mċaħħad mill-iżviluppaturi jekk dawn ikomplu jgħollu l-prezzijiet għall-gwadann tagħhom.

Bl-ebda mod m’aħna qegħdin nnaqqsu mill-mertu tal-għajnuna ta’ dan il-gvern fejn jidħlu dawk li saru sidien ta’ darhom għall-ewwel darba fl-aħħar snin. Niftakru sew ir-rekord ta’ kuntratti reġistrat wara Baġit imħabbar waqt perjodu ta’ pandemija. L-għajnuna tal-gvern li daħal biex isellef l-10 fil-mija mingħajr imgħax lil dawk li xtaqu jidħlu għal dan il-piż, jew li t-tnaqqis fir-rata ta’ taxxa kienu miżuri li ħallew il-frott u dan ma ngħiduhx biss aħna, iżda wkoll l-istatistika li tittratta l-iżvilupp f’pajjiżna u l-bejgħ tal-proprjetà.

B’hekk nemmnu li l-poplu dakinhar li jidħol fil-kamra biex jimmarka l-vot tiegħu u jixħtu fil-kaxxa m’għandux iġib quddiem għajnejh il-kuluri li se nkunu qbadna negħjew naraw, iżda wkoll il-possibbiltà li għandu biex jibbenefika mill-ġid li l-gvern magħżul ikun kapaċi joffri.

Ekonomija

Sport