Tuesday, November 26, 2024

Iż-żieda fil-popolazzjoni… sfidi jew opportunitajiet?

Aqra wkoll

Minn dak li ħareġ miċ-ċensiment li sar fl-2021, irriżulta li l-popolazzjoni ta’ Malta, żdiedet sew tant li laħqet kważi il-520,000 persuna. Dan ifisser li f’mitt sena l-popolazzjoni Maltija aktar minn irduppjat u żdiedet b’aktar minn 100,000 fl-aħħar 10 snin.

Iż-żieda fil-popolazzjoni bla dubju ġabet magħha sfidi ġodda, li qabel ma kinux jeżistu. Fost dawn il-pressjoni fuq l-infrastruttura, u s-sistemi l-oħra kollha nkluż dak tas-saħħa, tal-edukazzjoni u l-qasam soċjali. F’dan kollu, u konxju tal-isfidi li ġġib magħha żieda fil-popolazzjoni, il-gvern kien proattiv u aġixxa biex jantiċipa l-konsegwenzi ta’ dan kollu.

Qabel kollox, żviluppa strateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex għall-10 snin li ġejjin. Ħa ħsieb ukoll billi tul dawn l-aħħar snin ppubblika it-tieni Smart Specialisation Strategy – strateġija li tidentifika s-setturi li fuqhom il-pajjiż għandu jiffoka r-riċerka u l-innovazzjoni għall-futur.

Tabilħaqq li din iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ Malta kkontribwixxa għaliha l-influss ta’ ħaddiema barranin li ġew Malta fl-aħħar snin. L-ammont tagħhom qabeż il-115,000 li jfisser ħames darbiet aktar minn dak irreġistrat fiċ-ċensiment li sar fl-2011. Dan ukoll kien rifless f’ekonomija b’saħħitha li pprovdiet impjiegi li ma kienx hawn biżżejjed ħaddiema għalihom.

Dan il-fattur joħloq sfida għas-sistema edukattiva li jrid jipprovdi l-ħaddiema tal-ġejjieni biex b’hekk ma jkunx hemm dipendenza fuq ħaddiema barranin. Għalhekk huwa tajjeb illi l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien f’dan ir-rigward.

Huwa kollu minnu li l-isfidi ħafna drabi jiddawru f’opportunitajiet imma għandna għax nifhmu li dan mhux biżżejjed imma jeħtieġ li ssir aktar ħidma biex pajjiżna jkampa maż-żieda fil-popolazzjoni u dan fil-kuntest li pajjiżna huwa wieħed mill-aktar popolati għad-daqs tiegħu.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, nemmnu li jeħtieġu aktar pjanijiet immirati li jtejbu faxex differenti tas-soċjetà tagħna biex jibqa’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar irrispettivament minn kemm tkun żdiedet il-popolazzjoni.

Sport