Friday, December 20, 2024

IŻ-ŻIEDA FIL-PREZZIJIET

Aqra wkoll

Waħda mir-realtajiet li qed tinkwieta lill-poplu tagħna hi dik tal-inflazzjoni. Dik li b’mod kontinwu qed isibu żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel. Żidiet li qed iseħħu minħabba ċirkostanzi partikolari li tinsab fihom id-dinja llum: dik li l-pandemija għadha magħna u l-gwerra fl-Ukrajna. Għandna pajjiżi fl-Ewropa li llum qed jaraw li ż-żieda fil-prezzijiet hi l-ogħla li qatt raw fl-aħħar tletin sena.

M’hemm ebda dubju li ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel li qed nesperjenzaw bħalissa tnaqqas il-kwalità tal-ħajja. Dan għax il-flus li jkollok iservuk inqas.

Nemmnu li kien pass tajjeb mill-Gvern li jgħin biex ċertu prezzijiet jibqgħu stabbli. Nemmnu li l-għajnuna ta’ xejn inqas minn €200 miljun biex il-prezzijiet tal-enerġija u dawk tal-fjuwils jibqgħu stabbli hi għajnuna importanti ħafna għax biha jfisser li l-prezzijiet mhux se jogħlew.  Dan hu ta’ nifs għal ħafna familji Maltin u Għawdxin. Ninnutaw ukoll, dak li qed isostni l-Ministru Clyde Caruana li l-Gvern bi ħsiebu jibqa’ jgħin.

Imma lil hinn minn dan hemm mistoqsijiet kruċjali.  Kemm se ddum din is-sitwazzjoni?  Xhur ilu kien previst li l-inflazzjoni ta’ meta d-dinja bdiet ħierġa mil-pandemija kellha ddum ftit xhur. Lejn l-aħħar ta’ Frar imma faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna li kompliet tikkomplika is-sitwazzjoni. Illum ħadd ma jista’ jgħid kemm se ttul din is-sitwazzjoni ta’ dan il-kunflitt. Ftit ġimgħat? Xhur? Sena? U din f’moħħ ħafna tqajjem il-mistoqsija, kemm se ddum tinħareġ għajnuna biex tilqa’ għal dan? Kemm jifilħu pajjiżi jgħinu? Diġa qed naraw f’għadd ta’ pajjiżi inkluż dawk Ewropej, qed ikun hemm żidiet anke fil-prezzijiet tal-enerġija.

Il-previżjonijiet mhumiex sbieħ. Id-Dipartiment tal-Agrikoltura fl-Istati Uniti qed ibassar żidiet ta’ bejn 9 u 12 fil-mija fil-laħam tat-tiġieġ,  u żieda ta’ bejn 7 u 10 fil-mija fil-prodotti tal-ħalib. Iż-żjut tal-ikel mistennija jogħlew bejn 27 u 30 fil-mija. Il-prezz tal-frott hu mistenni jiżdied  bejn 12 u 15 fil-mija u dak tal-ħaxix b’żidiet ta’ bejn 7 u 9 fil-mija.

Iż-żidiet fil-prezzijiet wasslu għal protesti kbar fil-Greċja, l-Albanija, Spanja, Franza, Ċipru u l-Italja fost oħrajn.

Nemmnu li hu ta’ sodisfazzjon li quddiem dak li qed niffaċċjaw f’pajjiżna għad għandna stabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija kemm għall-familji u għan-negozji. Wieħed jifhem li la l-pressjoni ġejja minn barra,  hemm prodotti li fuqhom il-gvern ftit li xejn jista’ jagħmel u la jogħlew minn barra iridu jogħlew hawn ukoll. Nemmnu li hi xi ħaġa pożittiva l-għajnuna li ngħatat biex il-prezzijiet tal-fjuwil jinżammu stabbli u b’hemm magħhom jibqgħu stabbli għadd ta’ servizzi oħra.

Nittamaw li fi żmien mhux ‘il bogħod tinstab soluzzjoni b’mod partikolari għall-kunflitt fl-Ukrajna. L-ebda pajjiż m’għandu bir bla qiegħ. Is-soluzzjoni hi t-tmiem tal-kunflitt.

Ekonomija

Sport