Sunday, December 22, 2024

IŻ-ŻIEDA FL-INVESTIMENT SOĊJALI 

Aqra wkoll

Sena wara l-oħra, il-Gvern qiegħed ikompli jżid l-investiment fil-qasam soċjali sabiex jiġu megħjuna dawk li jifilħu l-inqas fis-soċjetà. Dan huwa investiment li rajnieh jikber konsistentement, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-pensjonijiet. Dan ukoll huwa dovut għas-saħħa u r-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna

Kemm dan huwa minnu jixhduh iċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li wrew kif l-investiment kollu fuq benefiċċji kontributorji u dawk mhux kontributorji fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena żdied b’13.4% fuq l-istess perjodu fl-2023. 

Fl-istess waqt, l-istatistika tal-NSO turi li l-infieq pubbliku fuq benefiċċji soċjali bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kiber bi kważi €92 miljun u laħaq €772.3 miljun. Dan kien l-akbar investiment li qatt sar fil-qasam soċjali. 

Dan juri l-ħidma li qiegħda ssir hija skont it-twemmin u l-prinċipji li jħaddan il-Partit Laburista fil-Gvern. Filwaqt li napprezzaw dan, madankollu nemmnu li jkun aktar ġust li dawk li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali jiġu megħjuna biex ikabbru d-dħul tagħhom u ma jibqgħux aktar dipendenti fuq l-istat għall-għajxien tagħhom.

Dan l-investiment ma kienx biss fuq servizzi soċjali tradizzjonali li ilna nafu bihom, imma anke koprew fost oħrajn il-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja biex żgur dawk li jifilħu l-inqas ma jitpoġġewx f’morsa finanzjarja. 

Huwa ta’ sodisfazzjon ukoll illi ninnutaw it-tisħiħ u t-tkabbir tal-ekonomija sabiex il-benefiċċji jibqgħu jkunu sostnuti llum, għada u pitgħada. Għalhekk nemmnu li hi għaqlija l-ħidma kontinwa tal-Gvern biex iseddaq il-mekkaniżmi kollha biex aktar investiment barrani jersaq lejn pajjiżna biex jitkattar il-ġid nazzjonali li minnu tgawdi s-soċjetà tagħna kollha kemm hi.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, naqblu ma’ dak li qal il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, illi dan il-Gvern, għax iħoss b’mod reali l-polz tal-poplu, jamministra politika soċjali li tħalli aktar flus fil-bwiet tan-nies. 

B’dan kollu f’moħħna, għandna għaliex inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu li dan l-investiment soċjali se jiżdied fiż-żmien li ġej mingħajr ma jintefa piż fuq iċ-ċittadini. B’dan il-mod jibbenefikaw aktar familji u pensjonanti, fl-istess waqt li titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. 

Ekonomija

Sport