Bla dubju ta’ xejn dan huwa żmien sabiħ biex wieħed jifraħ u jferraħ lil oħrajn. Aħna li nħobbu lill-familja ngħixu biex naraw lil maħbubin tagħna jieħdu pjaċir u jkunu kuntenti, speċjalment f’dan iż-żmien sabiħ tal-Milied.
In-Nanna Pawla…
Kull żmien iġib il-memorji li tkun għext bihom u magħhom. F’dan iż-żmien niftakar ħafna f’nies li nħobb u ħabbejt u li għext magħhom speċjalment jekk dawn ma jkunux għadhom magħna. Bħal dan iż-żmien in-Nanna Pawla kienet tibda taħmi l-ħelu tal-Milied u l-pasti biex jilħqu joqogħdu, sabiex fil-ġranet sbieħ tal-Milied jkollha xi tqassam u titma’ lill-familja kbira li kellha.
Il-kċina tan-nanna kellha ħajt doblu u l-ħajt ta’ ġewwa kellu filata nieqsa. Allura n-nannu Ġanni, li kien kagħħal u bajjad prim, kien għamel xkaffa madwar il-kċina kollha minn dan il-ħajt doblu li kellu kantun nieqes. Fuq din ix-xkaffa, in-nanna kellha għall-wirja borom ta’ kull daqs u għamla — borom tal-fuħħar u oħrajn li mhux. Ġewwa dawn il-borom darba skoprejna li n-nanna kienet taħżen il-ħelu kollu li kienet tħejji sabiex imbagħad tkun tista’ tużah fil-ġranet tal-Milied.
Ma nafx x’kienet tagħmilhom, imma l-pastini tal-coconut u l-pasti speċjali bl-istilla fil-wiċċ kienu jinżlu għasel. Meta n-nanna kienet titla’ fuq biex tistrieħ u aħna konna ġejjin lura mill-Maċina wara xi laqgħa taż-Żgħażagħ Soċjalisti, il-mara Josette, li dak iż-żmien kienet għadha l-għarusa, kienet tagħmilna belgħa te tajba u bil-moħbi ta’ kulħadd nduqu dawn il-pasti li n-nanna tkun għadha kemm ippreparat. Kienu jinżlu għasel, u llum li n-nanna m’għadhiex magħna, meta nara xi pasti simili, niftakar fiha u ngħidilha talba żgħira għaliha.
Rigali…
In-nannu għamel 14-il sena bla xogħol u allura meta ġew biex jieħdu l-pensjoni kellhom pensjoni miżera. Ma kienx hemm il-miżuri li daħħal gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin biex kulħadd jieħu l-aħjar pensjoni possibbli. Jekk niftakar sewwa, kellhom xi €500 pensjoni li biha kellhom jgħixu u jieklu.
Minkejja li kellha pensjoni miżera u minkejja li kellha sitt it-tfal, il-partners tagħhom u t-tfal tagħhom, xorta waħda kienet tixtri rigal lil kulħadd. In-nanna kellha għaqal kbir u s-sistema li kienet tuża nagħmel użu minnha jien ukoll illum. Din kienet tmur għand il-ħanut tagħha x-rigali trid tixtri xi 10 xhur qabel il-Milied. Dan jagħmilha l-kont u kull xahar kienet tmur taqta’ biċċa mill-kont. Bil-mod il-mod kienet tħallas kollox u sal-Milied kienet tixtri r-rigali kollha lil kulħadd.
U ma kinitx toqgħod iġġib skużi li għandha ftit pensjoni biex tgħaddi, għax kienet issib il-ħin biex iżżomm lil kulħadd ferħan. Ħaġa oħra importanti kienet li ma kellha preferenzi lejn ħadd. It-tfal kollha l-istess, is-subien kollha l-istess u l-bniet kollha l-istess. Kemm inħoss vojt ġewwa fija kultant meta niftakar fihom, għax l-eżempju u l-imħabba li kienu juru lejn il-familja kienet xi ħaġa partikolari.
L-Intrata…
Jien u l-mara tiegħi ltqajna l-Maċina fil-kampanja elettorali tal-1987. Konna t-tnejn fiż-Żgħażagħ Soċjalisti u konna t-tnejn voluntiera fil-partit. Nagħlqu l-envelopes u nippustjaw il-materjal tal-partit għal dik il-kampanja. Darba minnhom il-mara tilfet il-karozza tal-linja u talbitni lift għar-Rabat; jien ma għedtillhiex le u minn hemm bdiet ir-relazzjoni tiegħi magħha. Jiġifieri mhux ta’ b’xejn inħobb il-Partit Laburista jien, għaliex il-Partit tani kollox, anke l-mara u l-familja.
Kien wasal iż-żmien li nidħol għand l-għarusa tiegħi u ftehmna li nidħol għandhom. L-ewwel ridt ngħaddi mill-eżami tan-nanna – orali kien u ma kienx faċli xejn. Mort liebess pulit biex nimpressjona, għamilt naqra fwieħa iktar mis-soltu, qaxxart il-leħja sewwa u lil-nokkulu tajtlu naqra ġell bit-tajjeb.
Dħalt għand in-nanna u staqsewni fejn irrid nidħol, fis-salott jew fil-kċina. Għedtilhom: mhux aħjar fil-kċina? U ġew kollha warajja: ħut il-mara, missierha, ommha u z-zija Nena. In-nanna bdiet tagħmel it-te u poġġejna madwar il-mejda tonda tal-kċina. Ma kienx hemm siġġijiet għal kulħadd allura xi wħud qagħdu bil-wieqfa fil-fetħa tal-bieb.
In-nanna kienet “leader” kbira, allura l-maċċ kien ikun dejjem f’idejha. Wara li għamlet it-te u poġġiet fuq il-mejda, poġġiet ukoll hija. Sa dak il-ħin kien għadu s-silenzju sħiħ. Qalbi bdiet tħabbat aktar mis-soltu u bdejt nistenna xi mistoqsija. In-nanna ħarset lejja b’ħarsa serja u fajritli l-ewwel mistoqsija:
“Allura hux inti Laburist?”
Tbissimt għax kelli aptit ngħidilha “Le, Nazzjonalist għax inħobb lil pajjiżi”… imma ma kontx nafha biżżejjed u ma ridtx nibda fuq sieq ħażina. Għedtilha:
“Iva, mela. Ma qaltilekx it-tifla li l-Maċina ltqajna?”
L-Maċina kienet il-kwartieri ġenerali tal-Partit Laburista. Jidher li din kienet l-iktar mistoqsija importanti għax hekk kif weġibt, qalet biex iġibu l-cake u l-pasti mat-te.
L-Intrata… (it-tieni parti)
19, Triq in-Nigret, Rabat, Malta, żewġ tarġiet u bieb ta’ barra ritirat xi metru ‘l ġewwa. Bieb sabiħ tal-kewba u hemm issib l-intrata tan-Nanna Pawla. Kif tidħol fl-intrata, ritratt kbir xi żewġ piedi bi tliet piedi, tal-Perit Mintoff bil-pipa f’ħalqu, iswed u abjad, f’qafas tad-deheb li kien jagħmel ir-ritratt jidher ikbar. Bil-kemm ma ngħidx li biex tgħaddi minn taħtu ridt tbaxxi rasek!
Meta Mintoff kien jagħmel xi meeting kienet titlaq kmieni kemm jista’ jkun biex tilħaq quddiem mal-barrikata ta’ quddiem it-trakk. Kien ikollha qampiena u l-hena tagħha kien idoqqluha qabel ma jibda jitkellem il-Perit. Darba f’meeting il-Belt, idejha kienu xjaħħu u meta l-Perit beda jitkellem fetlilha ddoqq il-qampiena… ma damitx ħafna, għax il-Perit ma ħa gost xejn!
Awgurju tal-Milied…
Nixtieq l-ewwel nawgura lil kulħadd Milied it-Tajjeb mimli mħabba, saħħa u ferħ lill-qarrejja ta’ L-Orizzont, lill-maniġment kollu tal-gazzetta u lill-ħbieb tiegħi kollha li tant jieħdu paċenzja bijja.
Nixtieq infakkar ukoll li ħadd m’għandu jixtri rigali annimali għax jekk jogħġbuk int ma jfissirx li lil min sejjer tagħtihom għandu l-ħin, l-ispazju jew il-flus biex jieħu ħsiebhom.
Il-kumplament, nittama li jkollna sena aħjar minn dik ta’ qabel.
Sliem.

