Saturday, December 28, 2024

IŻ-ŻONA EWRO F’RIĊESSJONI U Ċ-ĊIRKU VIZZJUŻ TAŻ-ŻIEDA FIL-PREZZIJIET

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur u ġimgħat rajna kif l-inflazzjoni b’mod ġenerali kienet qiegħda tonqos. Minkejja dan, żieda fil-prezzijiet tal-fertilizzanti flimkien ma’ deċiżjonijiet minn kumpaniji kbar li jipproċudu l-ikel, wasalu biex il-prezzijiet tal-ikel baqgħu jogħlew. Illum hi realtà anke f’pajjiżna li qegħdin naraw  prezzijiet jogħlew minn xirja għall-oħra.  Għandna sitwazzjoni ukoll fejn il-prezzijiet tant qegħdin jogħlew b’rata mgħaġġla, li l-konsumaturi qegħdin jispiċċaw jmorru jixtru jaraw prezz mod fuq l-ixkaffa, iżda metą jħallsu jaraw li l-prezz kien għola. Min staqsa għas-sodisfazzjon qalulu li l-prodott kien għadu mmarkat bil-prezz ‘lqadim.

Proprju fl-aħħar sigħat kellna żvilupp ieħor xejn sabiħ. Iż-żona Euro issa b’mod uffiċjali, fl-ewwel tliet xhur tas-sena waqgħet f’riċessjoni.

Minn statistika uffiċjali, li kienet riveduta minn kif ingħatat xhur ilu, intwera kif l-ekonomija taż-żona Ewro għall-ewwel tlett xhur tas-sena mhux kibret imma naqset u dan waqt li l-ispejjeż għall-konsumaturi biex jgħixu żdiedu.

L-istatistika mħabbra mill-Eurostat uriet li l-Prodott Gross Domestiku naqas b’0.1 fil-mija fl-ewwel kwart tas-sena 2023. Għall-aħħar kwart tas-sena 2022, l-istess Prodott Gross Domestiku naqas ukoll b’0.1 fil-mija u dan wara li l-istatistika kienet riveduta. B’mod tekniku, ricessjoni tkun definita meta żewġ kwarti ta’ sena konsekuttivi  ikollhom tnaqqis flok tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku. 

M’hemm ebda dubju li dan seħħ  minħabba l-pressjoni li jinsabu fiha l-konsumaturi. Illum il-familji u l-konsumaturi fl-Ewropa u żoni oħra madwar id-dinja jinsabu inċerti għall-aħħar. Qegħdin jaraw prezzijiet tal-ikel dejjem telgħin fil-prezz tagħhom u dan qiegħed joħloq pressjoni fuq il-dħul tagħhom.

Diversi pajjiżi fiż-Żona Euro kienu f’riċessjoni jew ġew viċin ħafna u dan minħabba żewġ kwarti ta’ sena li fihom il-Prodott Gross Domestiku flok ikun żdied ikun naqas.  Fost dawn kien hemm il-Ġermanja, l-akbar ekonomija Ewropea. Franza ma kinitx bogħod u dan minħabba tkabbir żgħir ħafna fl-aħħar kwart tas-sena 2022 u tkabbir minimu ta’ 0.2 fil-mija fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena.

Jekk wieħed jifli l-istatisika jara li t-tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku fiż-Żona Ewro ġie affettwat  bir-rata tal-Irlanda li rat il-Prodott Gross Domestiku tagħha jonqos b’4.6 fil-mija fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. 

Wieħed irid jgħid li t-tielet kwart tas-sena 2022, iż-żona Euro kien rat tkabbir ta’ 0.4 fil-mija biss. 

Is-sitwazzjoni hi tali li għandek diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li ilhom għal żewġ kwarti jew aktar bi statistika negattiva. L-Estonja ilha mill-ewwel kwart tas-sena 2022 tirreġistra tnaqqis fil-Prodott Gross Domestiku. L-Ungerija għal tlett kwarti ta’ sena irreġistrat tnaqqis.

Quddiem sitwazzjoni bħal din u quddiem iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, il-Bank Ċentrali Ewropew mistenni jkompli jżid ir-rati ta’ imgħat. Proprju nhar il-Ħamis mistenni jkun hemm żieda u żieda oħra simili mistennija f’Lulju.

Din hi sitwazzjoni li turi li l-pressjonijiet fuq il-familji u l-konsumaturi għadhom hemm. Pressjonijiet li jidher li mhux se jgħibu kif ġieb u laħaq. It-tbassir fuq il-prezzijiet tal-ikel għall-futur mhux wieħed pożittiv u ma’ dan il-gvernijiet issa jridu jibdew jitrattaw ukoll ir-riċessjoni. Żieda fir-rati ta’ interessi qed toħloq pressjonijiet mhux żgħar fuq mini ikun mar jissellef.

Ma’ dan il-konsumatur hu bbumbardjat b’reklami u xejriet li jonfoq kemm jista’. Ir-reklamar li jsir, kollu jipponta biex tixtri u tikkonsma, kemm jekk ikel u kemm jekk affarijiet oħra. Dan biex tinżamm id-domanda. U quddiem domanda mill-konsumaturi għall-prodotti, in-negozjanti u l-kumpaniji l-kbar għandhom l-opportunità biex ikomplu jgħollu l-istess prezzijiet. Ċirku vizzjuż, li sa issa ħafna gvernijiet fl-Ewropa ftit li xejn qegħdin jaraw x’jistgħu jagħmlu biex jitrattaw din is-sitwazzjoni, ovvjament dan ma jsirx biex ma jiġux affettwati in-negozji u d-domanda. Ċirku vizzjuż li qed iwassal biss għal aktar żidiet.

Ekonomija

Sport