Thursday, December 26, 2024

Iż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien issa hija protetta

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li ġiet iffirmata d-dokumentazzjoni finali tal-Local Plan Review għal Ħondoq ir-Rummien. Din id-dokumentazzjoni ser titressaq quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-approvazzjoni finali sabiex tidħol fis-seħħ il-bidla fil-Pjan Lokali tal-2006 għal Għawdex u Kemmuna.

Il-Ministru Camilleri fakkar li f’Jannar ta’ din is-sena, l-Awtorità tal-Ippjanar nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika bil-għan li jkun hemm tibdil fiż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, sabiex din ma’ tibqax żona ta’ żvilupp iżda tinbidel f’żona ta’ afforestazzjoni.

Huwa kompla li wara li ġie fi tmiem il-proċess ta’ konsultazzjoni, li matulu pparteċipaw bosta individwi u għaqdiet oħra, il-Gvern mexa għall-pass li jmiss billi ddikjara dan is-sit bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni. “Dan hu l-għola livell ta’ protezzjoni u ħarsien ambjentali li joffru l-liġijiet ambjentali ta’ pajjiżna. Il-Gvern qed jirrikonoxxi b’mod legali u uffiċjali l-importanza naturali ta’ din iż-żona bil-ħarsien tal-inħawi fejn insibu bijodiversità rikka b’ħafna habitats differenti, bħax-xagħri, kif ukoll speċi protetti, bħall-ħarrub u siġar taż-żebbuġ maturi,” stqarr il-Ministru Camilleri.

“Issa kien imiss pass ieħor u permezz ta’ din ir-rakkomandazzjoni finali, li issa titressaq quddiem il-Kumitat Parlamentari qabel tidħol fis-seħħ, ser naraw bidla fil-pjan lokali biex b’hekk neliminaw il-possibbiltà li individwu jew kumpanija tressaq applikazzjoni biex f’din iż-żona jsir żvilupp. Din hija wegħda elettorali oħra li qed inwettqu, wegħda li tassigura li dan is-sit jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri,” sostna l-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri fakkar ukoll kif tul dawn l-aħħar xhur, bosta żoni oħra f’Malta u Għawdex jew ingħataw l-ogħla livell ta’ protezzjoni ambjentali jew inbiddlu l-pjani lokali biex dawn is-sit jiġu protetti. Fost dawn hemm il-Qortin ta’ Isopu fin-Nadur, il-Ġebla tal-Ħnejja u l-Ġebla tal-Fessej f’Għawdex kif ukoll medda t’art f’Ħal Far, li kienet żona intiża għall-iżvilupp industrijali u llum ġiet emendata u ser isservi ta’ buffer zone għal żona ferm akbar li hi kklassifikata bħala sit Natura 2000.

Min-naħa tiegħu, Paul Buttiġieġ, Sindku tal-Qala, qal li l-ħolma ta’ bosta, wara taqbida legali ta’ aktar minn 20 sena, issa saret realtà hekk kif il-bajja u l-madwar ser ikomplu jitgawdew mill-pubbliku wara li llum ġie ffirmat id-dokument finali qabel dan jersaq quddiem il-Kumitat Parlamentari. Huwa rringrazzja lill-Gvern, l-entitajiet u lil dawk kollha konċernati li ħadmu fuq dan il-każ li issa ġie konkluż.
 

Ekonomija

Sport