Friday, April 10, 2026

Iż-żona Ta’ Passi, magħrufa aħjar bħala Betlehem f’Għajnsielem, rikonoxxuta bħala żona rikreattiva fuq barra għall-użu kulturali u komunitarju

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar reviżjoni parzjali importanti fiż-żona Ta’ Passi Għajnsielem magħruf aħjar bħala Betlehem f’Għajnsielem. Din ir-reviżjoni parzjali ġiet wara proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ, trasparenti u strutturat u hija riflessjoni ċara tal-impenn tal-Gvern li jippjana b’mod responsabbli, sensittiv u bbażat fuq l-evidenza, filwaqt li jibqa’ marbut mar-realtajiet li fihom jgħixu l-komunitajiet tagħna.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li “f’din iż-żona Ta’ Passi, f’Għajnsielem, żona ta’ 18-il tomna raba’, li fiha jittella’ Betlehem f’Għajnsielem kellna kwistjoni għal 18-il sena sħaħ li minħabba l-pjanijiet lokali kif kienu kien hemm diffikultajiet legali. Illum dawn ġew regolati permezz ta’ din ir-reviżjoni u mhux biss, issa hawnhekk ser jittella’ Betlehem f’Għajnsielem b’mod aħjar, b’mod aktar komdu iżda aktar minn hekk, ftaħna l-opportunità li din iddur issa għal żona rikreattiva fejn jistgħu jsiru numru ta’ attivitajiet oħrajn, fl-aħħar mill-aħħar tkun miftuħa għall-pubbliku u għall-familji kollha.”

Huwa semma kif l-istess sar fix-Xewkija fejn cluster ta’ djar li nbnew fl-antik, kienu f’pożizzjoni anomala għaliex tħallew barra lura fl-2006 fir-reviżjoni tal-Pjan Lokali, hemmhekk ukoll saret ġustizzja ma’ dan il-cluster ta’ familji li kellhom u kienu qed isofru inġustizzja. Il-Ministru Camilleri stqarr li “dan huwa pass importanti sabiex fl-aħħar mill-aħħar għamilna ġustizzja ma’ żewġ postijiet li nafu kemm jintużaw, l-iskop tagħhom hu wieħed ġenwin, għaldaqstant il-Gvern ħa azzjoni.”

Din ir-reviżjoni ma tintroduċix żvilupp spekulattiv, iżda tindirizza żewġ sitwazzjonijiet speċifiċi u li ilhom jeżistu għal żmien twil f’Għajnsielem u fix-Xewkija, filwaqt li tipprovdi ċarezza fejn għal snin twal kien hemm inċertezza.

Hija wkoll akkumpanjata minn salvagwardji ċari u stretti, fosthom:

  • Mill-inqas 65% tas-sit irid jibqa’ spazju miftuħ;
  • Strutturi permessi huma limitati għal faċilitajiet anċillari ta’ skala żgħira li jappoġġjaw direttament l-użu rikreattiv;
  • Kontrolli definiti fuq il-footprint, l-għoli, il-materjali u l-lok, u ma jħallu l-ebda spazju għal żvilupp żejjed;
  • L-attività kummerċjali, fejn tkun permessa, trid tkun minima, anċillari, u marbuta direttament mal-funzjoni rikreattiva tas-sit.

Min-naħa tiegħu Silvio Farrugia Direttur fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar spjega li “llum qegħdin hawn wara proċess ta’ konsultazzjoni miftuħ u strutturat, u din hija riflessjoni ċara tar-responsabbiltà tagħna li nippjanaw b’mod sensittiv, ibbażat fuq l-evidenza, u marbut mar-realtà li jgħixu fiha l-komunitajiet tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar, din ir-reviżjoni parzjali hija dwar li tipprovdi ċertezza: għar-residenti, għall-inizjattivi tal-komunità, u għall-pubbliku inġenerali. Turi kif l-ippjanar jista’ jkun reattiv mingħajr ma jkun permissiv, u protettiv mingħajr ma jkun distakkat mill-ħajja tal-komunità.”

Il-protezzjoni ambjentali hija ċentrali għal din ir-reviżjoni, b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ materjali tradizzjonali, limiti fuq l-iskavar u kontrolli fuq id-dawl, sabiex jiġu minimizzati l-impatti fuq il-pajsaġġ rurali u l-wied ta’ madwar iż-żona.

Fl-aħħar nett, il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li din ir-reviżjoni parzjali hija bilanċ bejn il-ħtiġijiet soċjali u kulturali u l-protezzjoni ambjentali u prinċipji sodi ta’ ppjanar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport