Wednesday, December 25, 2024

IŻ-ŻUGRAGA

L-Avukat Joe Brincat

Aqra wkoll

Hawn ġurnalisti Maltin li kieku flok laptop, komputer, jew keyboard ieħor, kellhom vleġeħ,  naf lejn min jisparawhom.  U ma jieqfu qatt.  L-anqas jekk ikun hemm l-iċken ħaġa li ma tagħmel l-ebda differenza fil-ħajja tal-Maltin u anke tal-qarrejja,  iridu jġibuha f’kull tip ta’ ġurnal.  

Naħseb tafu għal min qed ngħid fejn jisparaw il-vleġeġ bil-velenu.  Id-dinja żgħira u n-nies magħrufa.   Aħseb u ara kemm hi żgħira Malta

Mela Joseph Muscat mar għall-marċ ta’ San Gejatanu l-Ħamrun.   Għala mar ma jinteressanix.  Affari tiegħu u tal-familja tiegħu.  Imma mal-ewwel qamu fil-vleġeġ mgħaddsa fil-velenu ħalli jisparaw fuqu.

U se ngħidilkom!  Joseph ħaqqu!  Tort tiegħu!

Min jaf kemm kien hemm nies oħra li marru għall-marċ u m’għandhomx x’jaqsmu mal-Ħamrun,  imma dawk ma jiġux fil-ġurnali.  Ma jagħmlux aħbar.  Issa Joseph Muscat irid jagħti sodisfazzjon għala kien mar marċ.

Darba niftakar kont tlajt San Ġużepp tar-Rabat,  fejn kelli u għad għandi ħbieb.  Kont fil-kunvent tal-Patrijiet ta’ Ġieżu hemm,  u anke ħbieb għandi  fil-każin ta’ l’Isle Adam.  Mort il-festa filgħodu,  memorji sbieħ għalija,  għax jien ma niċħad xejn mill-imgħoddi tiegħi.  Dejjem sibt is-sabiħ.

Mela malajr ġew tnejn jew tlieta,  separati minn xulxin,  u mhux f’daqqa,  jistaqsuni jekk kontx ħiereġ kandidat għar-Rabat!  Kurżità tal-ħbieb,  imma bl-ebda ħsieb kattiv.  Ma kenux beħsiebhom jagħmiu l-ebda kapital fuq il-ġurnali.   Dak inhar jien ħliftha li ma mmurx aktar marċi.  

Imma fuq Joseph Muscat fil-ġurnata tal-lum  hemm bżonn li wiehed jibni l-istejjer,  għax ma jistax ikun li l-mexxej li għamel il-Partit Nazzjonalista frak,  spiċċaw jiġġieldu bejniethom,  ħadd ma jafda lil ħadd,  iħalluhielu lixxa!   Dak l-akbar dnub li għamel.   

Jafu wkoll li l-ispinta li ta lill-Partit Laburista għadha għaddejja,  għax mir-raħal ċkejken ta’ Burmarrad biddel il-mentalità ta’ bosta nies. 

Fi ftit kliem dawwarha żugraga.  U jafu u jifhmu li bħal meta jkun hemm min qed idawwar żugraga,  jagħti l-ispinta,  u ż-żugraga tibqa’ għaddejja,  anke meta jkun warrab minn ħdejha min ikun taha l-ewwel tidwira.

Dan kienx biżżejjed.  Meta tħajjar fuq tal-football,  kien hemm ukoll min tfantas,  għax Joseph Muscat huwa Joseph Muscat,  u allura dejjem ħaqqu s-swat.

U nerġa’ ngħid li ħaqqu Joseph Muscat!  Ħtija tiegħu!

U issa se ngħidilkom għaliex.   

Meta kien Prim Ministru kien biddel il-liġi tal-istampa.  Tkellem mal-ġurnalisti u min imexxihom,  u tneħħew ħafna responsabilitajiet jew konsegwenzi minn fuq il-ġurnalisti.  Ħarġet il-Media and Defamation Act.

Barra li d-difamazzjoni tneħħiet minn reat,  anke meta wieħed jingurjak gravament, bil-kliem jew bil-kitba (fejn imbagħad isir il-libell)  il-libell kriminali tneħħa u anke r-responsabbilità tad-danni saret ċuċata.   Ejja ma nitkellmux fuq libertà tal-istampa,  għax il-libertà tal-istampa trid tosserva wkoll id-drittijiet ta’ ħaddieħor,  ngħidu aħna l-privatezza ta’ dak jew dik li tkun.   Illum f’€5000 massimu ta’ danni,  dak li jkun jista’ jgħid li jrid u jikteb li jrid. 

Jaqbillek toqgħod kwiet f’rokna u tinsa.  U tittama li n-nies jinsew ukoll inġurji li jkunu sarulek.   Il-pajjiżi demokratiċi tal-Ewropa għandhom liġijiet iebsin fuq l-inġurja bl-istampa fosthom il-Ġermanja u l-Italja.  Il-Finlandja, il-Lussemburgu eċċ eċċ eċċ.  Mhux se noqgħod ngħabbikom imma rajt rapport tal-IPI tas-sena l-oħra fejn iġib ukoll kemm hemm pajjiżi li jagħtu protezzjoni speċjali lir-reputazzjoni tal-politiċi,  u dan anke dwar proċeduri.

Aħna ġejna fost xi 5 pajjiżi verġni,  imma l-maġġoranza,  dawk li jiddettaw x’għandna nagħmlu u kemm aħna ħżiena,  żammew il-liġijiet li kellhom.  Tiftakruh lil Peter Omzigt ?  Mill-Olanda.   Araw l-liġi tagħhom fil-qosor :

“defamation constitutes a criminal act under Title XVI (Defamation) Articles 261 upto 271 of the Dutch Penal Code. Moreover, it is a criminal act to insult the King, spouse of the King, his presumptive heirs or the Regent, and shall be punishable with imprisonment ranging from four to five years.” 

U aħna hawnhekk il-ġurnali joffendu lill-President tar-Repubblika,  u kull ma jista’ jagħmel xi dikjarazzjoni jew press release!

Joseph,  il-klieb li fraht bihom,  u anke rabbejt, u tajthom li riedu,  daru biex jigdmulek idejk.

Ekonomija

Sport