Sunday, December 22, 2024

Iż-Żwieten bl-aktar ammont ta’ lmenti dwar ħmieġ jew skart fil-lokalità

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mis-68 Kunsilli Lokali li għandna madwar Malta u Għawdex, mill-2017 s’issa l-aktar wieħed li rċieva lmenti dwar ħmieġ jew problema ta’ skart kien iż-Żejtun b’total ta’ 4,970. B’medja ta’ 823 ilmenti kull sena jekk wieħed jikkonsidra l-2022 kollha, jew ekwivalenti għal 72 ilmenti kuljum sa Settembru tal-2022, iż-Żwieten għandhom sfidi ta’ kuntrast kbir meta mqabbel mal-lokalità tal-Imdina li fl-istess perjodu ma rreġistrat ebda lment fir-rigward.

Minn informazzjoni li ħarġet fil-Parlament il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ippreżenta l-lista li tkopri l-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex bejn l-2017 u l-2022. Mill-ilmenti dwar ħmieġ u problema ta’ skart irreġistrati fil-Kunsilli Lokali kollha b’mod rispettiv għal kull lokalità, irriżulta li t-tieni Kunsill bl-akbar ammont ta’ lmenti kien dak ta’ Birkirkara b’total ta’ 4,000 segwit minn dak ta’ San Ġiljan b’3,604. 

Min-naħa l-oħra l-inqas lokalitajiet li kellhom ilmenti dwar ħmieġ jew skart kienu l-Imdina (0); l-Għasri (4); u San Lawrenz (8). Dawn l-aħħar żewġ lokalitajiet huma t-tnejn f’Għawdex. 

Għadd ta’ Kunsilli Lokali – total ta’ 21 wieħed – kienu għadhom ma batux l-informazzjoni relattiva meta sar l-intervent mill-Ministru Bonnici, mentri l-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, il-Floriana u l-Ħamrun qalu li m’għandhomx sistema biex tiġbor tali informazzjoni jew ma jiġbruhiex. Speċifikaw iżda, li meta jidħlu lmenti fir-rigward, dawn ikunu indirizzati mill-ewwel. Il-Kunsill ta’ Ħ’Attard annota li kull ilment li jidħlilhom fuq Facebook jew b’emejl, dan jiġi mgħoddi u rrispondut minnufih “anke wara l-ħin tax-xogħol minħabba li l-istaff inkluż is-Sindku, għandu aċċess għall-paġna fuq Facebook tal-Kunsill u l-imejl mid-dar”.

Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, ukoll ma jżommx reġistru ta’ dawn l-ilmenti bir-raġuni mogħtija li dawn ma jersqux għall-konsiderazzjoni tal-Kunsill fil-laqgħat statutorji.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li jinkludi wkoll iż-żoni ta’ Bugibba u l-Qawra, irreġistra 1,190 ilmenti fir-rigward. Ir-residenti ta’ din iż-żona, li żdiedu ħafna f’dawn l-aħħar snin, ta’ spiss jilmentaw dwar skart u ħmieġ mitluq fit-toroq u fl-għelieqi. Bil-għan li jindirizza din il-problema, il-Gvern alloka iżjed fondi biex din il-lokalità tkun aktar nadifa.

Ekonomija

Sport