Minn MELVIN FARRUGIA
Illum jaħbat l-għaxar anniversarju minn meta kien seħħ inċident fil-kamra tan-nar 25 ta’ Novembru taż-Żejtun li tinsab fil-Lambordi f’Tas-Silġ. F’dan l-inċident, kien miet Ġanni Abela li kien ukoll is-sagristan tal-parroċċa. Barra minn hekk, kienu weġġgħu wkoll Salvu Abela, Mario Farrugia u Pierre Mifsud.
Ġanni Abela kien magħruf maż-Żwieten peress li għal żmien twil kien sagristan. Filwaqt li kien raġel ħabrieki għall-festa, kien ukoll raġel tal-ġabra u tal-familja.
Wara dan l-inċident, hu kien qatta’ erbat ijiem jissielet għal ħajtu iżda fit-8 ta’ Mejju hu miet. Kien ġie deċiż bejn l-għaqdiet kollha tar-raħal Żejtuni li dik is-sena ma ssirx il-festa. Għall-funeral kienu attendew ħafna nies, mhux biss Żwieten iżda anke nies minn barra r-raħal li huma dilettanti tal-piroteknika. Kienu wkoll preżenti xi għaqdiet tal-baned minn barra r-raħal li wkoll urew rispett billi ħadu l-istandardi tagħhom għall-korteo mill-Knisja Parrokkjali saċ-ċimiterju.
Intant, bħal-lum 31 sena, kien seħħ ukoll inċident fil-Kumpless tan-Nar Mount Carmel fiż-Żurrieq li ħasad il-ħajja taż-żewġ żgħażagħ Karmelitani, Nenu Żahra u Narcy Schembri.