Friday, September 20, 2024

Izibet FA Trophy: Floriana jegħlbu lil Birkirkara b’wirja impekkabbli fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Floriana ….…..3

Birkirkara ……1

Floriana kkwalifikaw għas-semi-finali tal-Izibet FA Trophy meta b’wirja mpres­sjonanti fit-tieni taqsima, għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 3-1 biex issa se jaffrontaw lil Hibernians.

Il-partita bdiet fuq nota kwieta u f’xi mumenti kienet ukoll monotona biex l-ewwel azzjoni waslet fit-22 minuta, meta Jan Busuttil approfitta minn żelqa ta’ Enrico Pepe, daħal fil-kaxxa iżda ġibed wisq lejn il-le­min biex seta’ għamel xi forma ta’ ħsara u ġie antiċipat fil-ħin mill-istess Pepe.  Fid-39 minuta, Montebello ħarab fuq ix-xellug u xeħet cross insidjuż iżda ma sab lil ħadd minn sħabu biex iċ-ċans intilef.

Fil-45 minuta, Floriana res­qu viċin li jiftħu l-iskor meta Kemar Reid żmarka lil Ryan Camenzuli iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet salvata f’corner mill-goalkeeper Fernandes.

Fit-53 minuta, Floriana fetħu l-iskor meta Adam Magri Overend għadda lejn Ryan Camenzuli li kompla lejn KEMAR REID li minkejja li kien issikkat minn Oscar Carniello, irnex­xielu jixħet fir-rokna fix-xibka.

Iżda fl-64 minuta, Birkirkara kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner, id-difiża ta’ Floriana nqabdet fuq sieq waħda biex daħal YANNICK YANKAM u xeħet fix-xibka.

Fit-73 minuta, l-Istripes resqu viċin meta Leandro Aguirre xeħet cross fil-baxx iżda Kilian Bevis ma laħaqx għal ftit millimetri biex jitfa’ l-ballun fix-xibka. Fuq in-naħa l-oħra, Fernandes wettaq save spettakolari megħjun mil-lasta fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Christian Rutjens.

Fit-83 minuta, Floriana marru fil-vantaġġ meta Zachary Cassar xeħet lejn is-sostitut ANDREI CIOLACU li għeleb lil Fernandes b’xutt bid-dawra … u żewġ minuti wara JAN BUSUTTIL għalaq il-logħba meta mmira lejn ir-r-rokna tax-xibka wara żball difensiv ta’ Carniello.

Il-partita spiċċat bi free-kick ta’ Brandon Paiber li stampa mal-wieqfa, b’Fernades megħlub għal kollox.

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend (77-Aleandro Garzia 87), 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 5-Zachary Cassar, 8-Kemar Reid (9-Kristian Keqi 87), 10-Jose Arias (11-Andrei Ciolacu 81), 20-Matias Garcia, 28-Emiliano Callegari, 30-Jan Busuttil (21-Mattia Veselji 87), 84-Ryan Camenzuli (22-Brandon Paiber 81) – Coach: Gianluca Atzori

BIRKIRKARA: 1-Daniel Fernandes, 2-Enzo Ruiz, 5-Enrico Pepe, 6-Yannick Yankam, 7-Luke Montebello, 8-Claudio Bonanni, 21-Ryan Scicluna, 25-Oscar Carniello (20-Federico Falcone 87), 27-Leandro Aguirre, 30-Kilian Bevis (10-Paul Mbong 87), 70-Jeferson Macedo – Coach: Andre Paus

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Alan Camilleri, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Stefan Pace

SKORERS: K. Reid 53, A. Ciolacu 83, J. Busuttil 85 (F);  Y. Yankam 64 (B)

AMMONITI: O. El Hasni, E. Callegari M. Garcia, C. Rutjens (F); O. Carniello, E. Pepe, Y. Yankam, L. Montebello,  E. Ruiz (B)

Sport