Saturday, September 14, 2024

Izibet FA Trophy: Sta Lucia għall-ewwel darba fis-semi-finali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gzira United ……0

Santa Lucia ……..1

(wara l-ħin barrani)

F’partita ferm bilanċjata u akkanita mill-bidu sat-tmiem, kien meħtieġ il-ħin barrani biex Sta Lucia kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Gzira United u b’hekk qatgħu l-passaġġ għas-semi-finali tal-Izibet FA Trophy għall-ewwel darba fl-istorja tal-club … biex issa se jiltaqgħu kontra Valletta. 

Gzira United kellhom nieqes lil Steve Pisani min­ħabba li għadu qed jirkupra minn injury li fil-veritá n-nuqqas tiegħu nħass.

Kienu l-Maroons li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Jefferson De Assis seraq ballun kważi f’nofs il-ground, avvanza tajjeb u wiċċ imb’ wiċċ mal-goalkeeper Justin Haber, għadda tajjeb lejn Yuri De Jesus Messias li għalkemm tefa’ l-ballun fix-xibka kien f’pożizzjoni ta’ offside u b’hekk ir-referee  Emanuel Grech kien pront u ħassar il-goal.

Santa Lucia wieġbu fit-13-il minuta permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza ta’ Davidy Meghon li ġie salvat bi bravura mill-goalkeeper Da­rijan Zarkov.

Huma komplew fuq l-offensiva u man-nofs siegħa logħob Victor Luiz Filho, żmarkat għal kollox, kellu xutt mill-viċin imblukkat minn sider Darijan Zar­kov.

Kull ma jmur kompla d-dominju assolut mit-team immexxi mill-coach Taljan Giovanni Tedesco u tliet minuti biss wara, Nicholas Pulis, ittanta xortih permezz ta’ xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li iżda ġie devjat f’corner minn Zarkov.

Il-pressjoni kienet kollha fuq Gzira u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jiftħu l-iskor u fis-46 minuta Yuri De Jesus Messias kellu xutt perikoluż minn barra l-kaxxa li għadda jħakkek mal-mimduda.

Huma komplew jippressaw u fil-61 minuta De Jesus Messiss xeħet cross li sab lil Jefferson De Assis li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn pożizzjoni ideali taħbat max-xibka minn barra, biex b’hekk ta l-illużjoni tal-goal.

Fit-83 minuta, Toni Kolega dejjem għall-Maroons, kellu xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa, jiġi salvat minn mal-art minn Justin Haber.

L-iskor baqa’ ma nbidilx sa tmiem id-90 minuta, biex il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.

Fl-94 minuta Gzira United tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta De Assis xeħet cross lejn De Jesus Messias iżda x-xutt tiegħu ġie antiċipat f’corner.

Madankollu, fil-102 minuta, kontra x-xej­ra tal-logħob kienu Santa Lucia li fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Alan Da Silva Souza, YOEL LORENZO SOARES FONSECA kien fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun fix-xibka.

Ekonomija

Sport