Saturday, October 26, 2024

IŻJED INIZJATTIVI FL-OQSMA TAR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

Aqra wkoll

L-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni huma fost il-pilastri ewlenin li fuqhom trid tinbena l-ekonomija Maltija. Bil-Gvern qiegħed jagħraf il-potenzjal li għandhom dawn is-setturi anke sabiex ikompli jinħoloq aktar ġid u impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin, tant li l-Gvern ħoloq segretarjat parlamentari għal dan is-settur.

Ngħiduha kif inhi, aktar ma jsir investiment f’dawn is-setturi, aktar inkunu qegħdin nilqgħu għall-avvanzi teknoloġiċi li qed iseħħu b’ritmu mgħaġġel li bilkemm qed inlaħħqu miegħu mhux biss fil-preżent imma wkoll għall-ġejjieni.
Wieħed iqis ukoll l-importanza ta’ dawn is-setturi anke fl-isfond tat-titjib fir-reputazzjoni ta’ pajjiżna biex jiġu attirati aktar investimenti lejn il-pajjiż. Kien għalhekk li l-Gvern Laburista dejjem appoġġja t-tkattir tal-kultura u l-kuxjenza favur ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Matul din is-sena li waslet biex tintemm rajna jittieħdu diversi inizjattivi f’din id-direzzjoni u kemm tassew dan il-Gvern qiegħed jagħti attenzjoni li tixraq lil dawn l-oqsma. Proprju fix-xhur li għaddew twaqqfu sitt kumitati tekniċi biex jimplimentaw it-tieni Smart Specialisation Strategy – strateġija li tidentifika s-setturi li fuqhom il-pajjiż għandu jiffoka r-riżorsi għar-riċerka u l-innovazzjoni għas-sitt snin li ġejjin.

Is-sitt oqsma tematiċi li se tkun qiegħda ssir il-ħidma fuqhom huma s-saħħa, l-użu sostenibbli tar-riżorsi għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, il-manifattura intelliġenti, it-teknoloġija marittima, l-avjazzjoni u l-ajruspazju u t-teknoloġiji diġitali futuri.

Fl-isfond ta’ dan kollu, nemmnu fl-importanza li l-gvern qed jagħti lil dawn is-setturi bħala niċeċ kruċjali għall-ekonomija tal-pajjiż u l-Gvern, anke permezz tal-ħidma ta’ dawn il-Kumitati, qiegħed jara potenzjal ta’ tkabbir fihom. Tkabbir li finalment se jkun qiegħed irendi lill-pajjiż fil-ġejjieni qarib u mbiegħed.

Dan l-aħħar ukoll tnieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Pjan Strateġiku Nazzjonali dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perjodu 2023-2027. L-abbozz ta’ dan il-pjan jindirizza diversi aspetti tar-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-potenzjal ta’ Malta f’dan ir-rigward.

L-aktar aspetti importanti jinkludu sistema ta’ governanza fit-tfassil tal-policies nazzjonali ta’ dawn is-setturi, żviluppi ulterjuri tal-ekosistema lokali u l-integrazzjoni tal-istess setturi fil-policies.

Għandna għax nifhmu li din l-istrateġija se jkollha rwol importanti sabiex ikunu integrati aktar l-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-viżjoni ekonomika ta’ Malta. Viżjoni ta’ Gvern li jrid jagħmel il-pajjiż aktar sigur, b’saħħtu u li jirnexxi iżda fuq kollox mibni fuq prinċipji ta’ governanza tajba, demokrazija u żvilupp sostenibbli.

Sport