L-Iżrael ikkonferma li rċieva tebut li l-Ħamas qed jgħid li fih il-katavru ta’ ostaġġ ieħor.
Vetturi tas-Salib l-Aħmar ġabru l-katavru ftit sigħat wara li l-Ħamas ħareġ stqarrija konġunta mal-Ġihad Iżlamiku Palestinjan li tgħid li l-katavru nstab fiż-żona ta’ Khan Younis fin-nofsinhar ta’ Gaza.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan qal li l-katavru se jkun qed jiġi trasferit lejn Iżrael fejn se ssir ċerimonja militari qabel ma jgħaddi minn proċess ta’ identifikazzjoni.
Aktar tard, il-katavru li kien irritornat mill-Ħamas ġie identifikat li huwa ta’ Meny Godard ta’ 73 sena li kien inqatel fl-attakki tas-7 t’Ottubru 2023.
Dan l-iżvilupp ifisser li 25 minn 28 ostaġġ mejjet ġew mogħtija lill-Iżrael taħt l-ewwel fażi tal-ftehim attwali ta’ waqfien mill-ġlied, li huwa parti mill-pjan tal-Istati Uniti biex tintemm il-gwerra f’Gaza.
Taħt dan il-ftehim, il-Ħamas qabel li jirritorna l-20 ostaġġ ħaj u t-28 ostaġġ mejjet li kien għadu qed iżomm.
L-ostaġġi Iżraeljani kollha li kienu għadhom ħajjin inħelsu fit-13 ta’ Ottubru bi skambju għal 250 priġunier Palestinjan u 1,718 priġunier minn Gaża.

