Il-miri tal-Hezbollah fil-Libanu intlaqtu mill-forza tal-ajru Iżraeljana. Dan qalitu l-Iżrael, hekk kif s-Sibt kien hemm attakk waqt logħba futbol fl-Għoljiet tal-Golan, liema attakk ħalla madwar 12 -il tifel u tifla mejta.
Qed jiġi irrapurtat li l-Iżrael qed titfa l-ħtija ta’ dan l-attakk fuq il-grupp militanti Lebaniż. Madanakollu minkejja dawk l-akkużi, min-naħa tiegħu l-Hezbollah ċaħad kull involviment. Intant, il-Ħadd filgħodu l-forzi Iżraeljani qalu li huma wettqu l-attakk mill-ajru kontra seba’ miri tal-Hezbollah fit-territorju Libaniż.
Huwa mifhum li t-tensjonijiet u l-perikli qed ikomplu jintensifikaw bejn l-Iżrael u l-Hezbollah, tant li qegħdin f’periklu kbir li jingħata bidu għal xi gwerra bejniethom. Midja internazzjonali qed tgħid li l-Hezbollah komplew bl-attakki fuq l-Iżrael minn meta bdiet il-gwerra ta’ bejn l-Iżrael innifisha u Gaza f’Ottubru illi għadda.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu immedjatament wiegħed ritaljazzjoni kontra l-Hezbollah, u qal li l-grupp se jħallas prezz kbir.