Sunday, December 22, 2024

Iżrael jopponi t-twaqqif ta’ stat Palestinjan

Aqra wkoll

It-tama li jitwaqqaf stat palestinjan bħala soluzzjoni kruċjali għat-tmiem tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani qed tkompli tisfuma fix-xejn wara li l-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu stqarr publikament li jopponi t-twaqqif ta’ stat Palestinjan ladarba jintemm il-kunflitt f’Gaza.

Fil-fatt, Netanyahu kompla jisfida lill-Istati Uniti u lil pajjiżi li jemmnu fi stat Palestinjan u wiegħed li se jkompli bl-offensiva f’Gaża sa ma jeqred lil-Ħamas u jeħles l-ostaġġi Iżraeljani li fadal. 

Bi kważi 25,000 Palestinjan maqtula f’Gaża, u 85% tal-popolazzjoni tal-Istrixxa ta’ Gaza spustati, Iżrael jinsab taħt pressjoni intensa biex irażżan l-offensiva tiegħu u jidħol f’taħditiet sinifikanti dwar tmiem tal-gwerra.

L-alleati ta’ Iżrael, inklużi l-Istati Uniti ħeġġew biex terġa’ titqajjem is-“soluzzjoni ta’ żewġ stati” li tinkludi fiha stat Palestinjan futur li jgħix spalla ma’ spalla ma’ Iżrael.

It-tama f’ħafna ċrieki hija li l-kriżi attwali tista’ ġġiegħel lill-partijiet fil-gwerra biex jerġgħu lura għad-diplomazija, bħala l-unika alternattiva vijabbli biex tintemm il-vjolenza. Iżda mill-kummenti ta’ Netanyahu, l-intenzjoni tiegħu tidher pjuttost l-oppost.

Meta kellem lill-ġurnalisti wara l-aħħar kummenti ta’ Netanyahu, il-kelliem tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti John Kirby irrikonoxxa li l-Istati Uniti u l-Iżrael  jaraw l-affarijiet b’mod differenti.

Aktar kmieni nhar il-Ħamis, il-Prim Ministru Iżraeljan qal li Iżrael għandu jkollu kontroll tas-sigurtà fuq l-art kollha fil-punent tax-Xmara Ġrdan, li tkun tinkludi t-territorju ta’ kwalunkwe stat Palestinjan futur.

Din il-kundizzjoni iżda hija f’kunflitt mal-idea ta’ sovranità Palestinjana. Ir-rimarki ta’ Netanyahu m’humiex sorpriża billi hu qatta’ kważi l-karriera politika tiegħu jopponi l-istat Palestinjan tant li ftaħar ix-xahar li għadda li hu kburi li impedixxa t-twaqqif ta’ stat Palestinjan. 

Mill-attakki tas-7 ta’ Ottubru – l-agħar fl-istorja ta’ Iżrael, meta irġiel armati tal-Ħamas qatlu madwar 1,300 Iżraeljan u ħadu xi 240 ostaġġ – l-Istati Uniti appoġġat id-dritt ta’ Iżrael li tiddefendi lilha nnifisha.

Iżda hekk kif in-numru tal-imwiet f’Gaża kiber, u x-xeni ta’ orrur żdiedu, l-Istati Uniti u l-gvernijiet tal-Punent sejħu għal trażżin Iżraeljan.

Il-White House ripetutament ippruvat tinfluwenza l-politika militari ta’ Iżrael u ħeġġet l-użu ta’ armi ggwidati bi preċiżjoni aktar milli l-attakki bl-ajru u appellat għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, bi rwol għall-Awtorità Palestinjana f’Gaża wara li jintemm il-kunflitt.

L-Istati Uniti kienet ċara ħafna dwar kif trid li tkun Gaża wara l-gwerra fosthom governanza li tirrappreżenta tal-aspirazzjonijiet tal-poplu Palestinjan li jkollu vuċi u li ma jkunx hemm okkupazzjoni mill-ġdid ta ‘Gaża. 

Sfortunatament, il-parir ta’ Washington ta’ spiss waqa’ fuq widnejn torox jew ġie riġettat għal kollox minn Iżrael ħafna drabi pubblikament waqt żjarat mis-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken. Dan kabbar il-frustrazzjoni f’xi ċrieki Amerikani dwar l-appoġġ ġenerali apparenti li l-amministrazzjoni Biden qed tagħti lill-Iżrael. 

Il-kummenti tal-Prim Ministru ta’ Iżrael bla dubju se jintgħoġbu mill-bażi ta’ appoġġ li għandu li kulma jmur qed jonqos fost il-ministri tal-lemin estrem li jsostnu l-gvern.

Stħarriġ riċenti juri li ħafna Iżraeljani huma aktar interessati li l-prijorita tal-Prim Ministru tkun li jinġiebu lura l-ostaġġi li fadal milli l-għan tiegħu  potenzjalment impossibbli li jeqred il-Ħamas.

Ekonomija

Sport