Iżrael qatel mill-inqas 67 Palestinjan li kienu qegħdin jistennew biex jingħataw l-għajnuna umanitarja fit-Tramuntana ta’ Gaza. Dan tħabbar mill-Ministru tas-Saħħa tal-grupp Ħamas fejn sostna li Iżrael qiegħed ikompli jwettaq ġenoċidju fuq il-post Palestinjan.
Uffiċjali tal-Programm Dinji tal-Ikel tal-Ġnus Magħquda, qalu li hekk kif 25 trakk li kienu jagħmlu parti minn konvoj ta’ għajnuna umanitarja li daħlet f’Gaża wasal fil-post indikat, kien hemm eluf kbar ta’ Palestinjani jistennew biex jieħdu xi ħaġa tal-ikel. Skont l-uffiċjali kien hawn li l-forzi Iżraeliti fetħu n-nar fuq dawn in-nies u mill-inqas qatlu 67 persuna.
Iżda min-naħa tagħhom il-forzi Iżraeliti qalu li kienu sparaw tiri ta’ twissija biex “ineħħu kull theddida li seta’ kien hemm għal konvoj li kien għadu kemm daħal f’Gaża”.
Uffiċjali tal-Ġnus Magħquda matul tmiem il-ġimgħa li għadda komplew juru tħassib serju dwar is-sitwazzjoni f’Gaża hekk kif eluf kbar ta’ persuni jinsabu qegħdin imutu minħabba l-ġuħ u Iżrael mhux qiegħed iħalli ikel biżżejjed jidħlu fiż-żoni milqutin.
Fil-fatt il-Ġnus Magħquda talbet lill-pajjiżi kollha tad-dinja biex jagħmlu pressjoni fuq Iżrael u b’mod immedjat iħalli ammonti kbar ta’ ikel jidħol fil-pajjiż għax inkella sa ftit sigħat oħrajn se jkunu eluf kbar li jmutu bil-ġuħ.