Friday, November 15, 2024

Iżrael qed jissogra jikser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fis-Sirja

Aqra wkoll

Iżrael qed ikompli jibni tul żona demilitarizzata mas-Sirja u qed jissogra li jikser sfaċċatament il-ftehim ta ‘waqfien mill-ġlied li ilu fis-seħħ 50 sena. L-aġir ta’ Iżrael jista jżid it-tensjoni tul il-fruntiera kondiviża fl-Għoljiet tal-Golan li Iżrael kien ħataf fl-1967 mingħand is-Sirja waqt il-gwerra ta’ Sitt Ijiem bejn Iżrael u koalizzjoni ta’ pajjiżi Għarab.

Ritratti bis-satellita juru trinek ġodda u ħofor imħaffra matul l-aħħar ftit xhur tul dik li hi magħrufa bħala Żona ta’ Separazzjoni (AoS).

Filmati juru kostruzzjoni li qed issir flimkien ma’ vettura militari qrib il-belt ta’ Majdal Shams, u aktar xogħlijiet tal-art friski f’art rurali fin-Nofsinhar. Ix-xogħol fiż-żewġ postijiet huwa maħsub li jinsab f’żoni kkontrollati mill-Iżrael.

Il-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Osservazzjoni tad-Disengagement (UNDOF) tgħid li ħafna mill-kostruzzjoni Iżraeljana ma tiksirx l-AoS, iżda li xi trinek imħaffra taħt protezzjoni minn vetturi militari inklużi tankijiet jiksru l-ftehim, inkluż id-dħul ta’ vetturi u suldati tal-armata Iżraeljana fiż-żona ta’ separazzjoni. Il-UNDOF timmonitorjaw medda ta’ art twila ta’ 80 kilometru 24 siegħa kuljum.

L-AoS kien twaqqaf bħala parti mill-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ Iżrael mas-Sirja fl-1974, wara l-okkupazzjoni preċedenti ta’ Iżrael tal-Għoljiet tal-Golan. L-Iżrael kien għaqqad miegħu unilateralment l-Għoljiet Golan fl-1981. Din il-mossa iżda ma ġietx rikonoxxuta internazzjonalment, għalkemm l-Istati Uniti għamlu dan unilateralment fl-2019.

Is-settlers Iżraeljani hemmhekk jgħixu flimkien ma’ madwar 20,000 Sirjan, ħafna minnhom Drużi, li baqgħu hemm anki wara l-okkupazzjoni tal-Golan minn Iżrael.

Minkejja l-preżenza ta’ gruppi ta’ milizzji appoġġjati mill-Iran fis-Sirja, din il-fruntiera baqgħet relattivament kalma, hekk kif il-forzi Iżraeljani ġġieldu kontra l-alleati Iranjani f’Gaża u l-Libanu matul l-aħħar 13-il xahar.

Iżda l-UNDOF qalet fi stqarrija li l-awtoritajiet Sirjani kienu pprotestaw bil-qawwa kontra l-ħidma Iżraeljana li kienet għaddejja u li n-NU stess kienet ripetutament uriet it-tħassib tagħha dwar il-vjolazzjonijiet Iżraeljani lill-awtoritajiet militari ta’ Iżrael.

Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljana (IDF) ssostni li t-trinek kienu ddisinjati biex jipproteġu kontra l-infiltrazzjoni minn gruppi appoġġjati mill-Iran fis-Sirja u ma kissrux il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.

It-theddida ta’ invażjoni sorpriża mill-ġirien ta’ Iżrael bdiet tikber mill-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru. Iżda d-difiżi li qed jinbnew tul din il-fruntiera ma jindirizzawx it-theddida aktar immedjata minn drones u missili sparati regolarment minn gruppi tal-milizzja Iranjana fis-Sirja u l-Iraq. Lanqas ma jindirizzaw it-tħassib ta ‘Iżrael dwar is-Sirja li hija linja ta’ ossiġnu għall-Iran biex idaħħal l-armi lill-alleat Libaniż tiegħu, il-Hezbollah.

Il-milizzja appoġġjata mill-Iran fiż-żona hija wkoll ta’ tħassib għar-reġim tal-President Sirjan Bashar al-Assad wara snin ta’ gwerra ċivili. Al-Assad jidher li ma tantx huwa lest li jinġibed fil-gwerra bejn l-Iżrael u l-Hezbollah, minkejja l-attakki frekwenti Iżraeljani ġewwa s-Sirja mmirati lejn pożizzjonijiet ta’ Hezbollah u Iranjani u vjeġġi ta’ armi.

Artiklu preċedenti
Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport