L-ex midfielder ta’ Arsenal u West Ham United, Jack Wilshere, fl-aħħar sab club ġdid, hekk kif iffirma ftehim għal żmien qasir mal-club Daniż, Aarhus.
Il-player ta’ 30 sena kien ilu mingħajr club minn meta ġie rilaxxat minn Bournemouth fis-sajf tal-2021 u reġa’ ngħaqad ma’ Arsenal għal skopijiet ta’ taħriġ u coaching aktar kmieni dan l-istaġun.
In-nuqqas ta’ għażliet f’nofs il-ground ta’ Arsenal wasslu għal sejħiet biex il-Gunners jerġgħu jiffirmaw lil Wilshere, iżda Mikel Arteta insista kemm-il darba li l-midfielder ma kienx se jerġa’ jilgħab mal-club.
Wilshere kien tħarreġ ukoll mat-team tas-Serie B Como u kien qed jissemma’ li seta’ jmur jilgħab l-Italja, iżda l-ex player internazzjonali tal-Ingilterra se jkun qed jilgħab fid-Danimarka ma’ Aarhus għal tal-inqas il-ftit xhur li ġejjin, bl-għażla ta’ estensjoni sal-2023.