Fl-Istati Uniti, raġel li għamel mal-40 sena l-ħabs wara li nstab ħati bi qtil ġie meħlus wara li evidenza ġdida sabet li ma kellux x’jaqsam mal-każ.
Maurice Hastings għamel aktar minn 38 sena fil-ħabs b’rabta mal-qtil ta’ Roberta Wydermyer li seħħ fl-1983 u żewġ attentati ta’ qtil oħra.
Madankollu, evidenza ġdida minn test ta’ DNA rriżulta li hu ma kellux x’jaqsam u li l-persuna ħatja bil-qtil kienet mietet fl-2020 waqt li kienet qiegħda tiskonta sentenza ta’ ħabs fuq każ separat ta’ ħtif ta’ persuna. Huwa kien għamel talba biex isir it-test tad-DNA, iżda din it-talba kienet ġiet irrifjutata. Is-sena li għaddiet huwa reġa’ għamel talba oħra u din id-darba ntlaqgħet u kienet iċ-ċavetta għall-ħelsien tiegħu.
Hastings, li llum għandu 69 sena nħeles mill-ħabs kmieni din il-ġimgħa u qal li ilu snin jistenna li jasal dan il-jum. Huwa qal li jħares ‘il quddiem biex igawdi ħajtu issa li qiegħda lura f’idejh.
L-Avukat Ġenerali ddeskriva dan il-każ bħala inġustizzja kbira u li s-sistema mhux biss falliet miegħu, iżda anke mal-vittmi.
Roberta Wydermyer kienet instabet fil-bagol ta’ karozza maqtula minn tir f’rasha fl-1983. Hija kienet ġiet abbużata sesswalment qabel ma nqatlet.