Huwa minnu li l-Covid-19 ġabet l-isfidi tagħha. Fost l-oħrajn Puttinu Cares innota kif il-pandemija ċaħdet lill-familjari milli jżuru lil qrabathom.
Minn naħa tagħhom, assiguraw li qed jagħmlu dan kollu possibbli biex l-atmosfera tibqa’ waħda ferriħija.
Filmat li ppubblikaw fuq il-paġna tagħhom tal-midja soċjali huwa xhieda ta’ dan kollu u tad-dedikazzjoni liema bħalha li għandhom biex jassiguraw ambjent aktar ferrieħi għat-tfal li bħalissa jinsabu hemmhekk biex jirċievu l-kura. Ftit tal-jiem ilu, ritratt sabiħ ferm li ppubblikaw huma stess ġibed l-attenzjoni ta’ bosta nies fejn juri ġenituri li kienu jinsabu impenjati biex isebbħu din is-sala.
Apparti t-tiżjin tipiku marbut ma’ dawn iż-żminijiet, spikkat sezzjoni f’din is-sala armata b’ħanut tal-ħelu sabiħ li ġie maħluq minn tifel ta’ seba’ snin bl-isem ta’ Jake li ilu ġewwa din is-sala għal dawn l-aħħar seba’ xhur.