Sewwieqa ddisprati li kellhom jistennew sa 30 siegħa biex jaqsmu mill-Ingilterra lejn Franza ma kellhomx triq oħra ħlief li jagħmlu l-awrina fit-triq.
Minn nhar il-Ġimgħa beda jinġema’ traffiku kbir fil-Port ta’ Dover, b’uħud jgħidu li stennew mas-sitt sigħat biex jimxu 75 metru biss
Il-familji ħarġu biex jibdew igawdu l-vaganzi tas-sajf u kkawżaw konġestjoni kbira ta’ karozzi li ffurmaw serbut ta’ mili.
Persuni li tkellmu minn fuq il-post qalu lill-midja li s-sitwazzjoni hija waħda tal-biża’, b’persuni jħosshom ħażin, mingħajr il-preżenza tal-pulizija u persuni jċemplu għall-għajnuna mingħajr ma jintgħataw rispons. Spjegaw kif il-ġenb tat-triq spiċċat bħal latrina pubblika u oħrajn li kienu qegħdin jivjaġġaw bil-klieb kellhom joħorġu biex imexxuhom minħabba stennija ta’ tant sigħat.
Problema oħra kienet il-fatt li fl-Ingilterra qegħdin jiġu esperjenzati temperaturi li qatt ma kienu esperjenzaw qabel u f’daqstant stennija hemm min inqabad mingħajr provvista ta’ ilma.
Uffiċjali Franċiżi u Ingliżi qed ikomplu jargumentaw dwar min għandu t-tort għall-kaos, bil-pulizija fi Franza tixħet il-ħtija fuq inċident tekniku mhux mistenni fil-passaġġ li jifrex liż-żewġ pajjiżi.
Il-politiċi fi Franza ppruvaw iwaħħlu l-kaos fuq l-introduzzjoni ta’ kontrolli tal-passaporti wara l-Brexit, imwettqa minn uffiċjali Franċiżi.
Madanakollu dawk l-awtoritajiet Ingliżi qalu li mhix aċċettabbli li l-ħtija taqa’ fuq il-Brexit u li s-sitwazzjoni jeħtieġ tiġi indirizzata mill-aktar fis billi jiżdiedu l-uffiċjali waqt il-kontrolli. Saħqu li l-kaos huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ riżorsa umana waqt il-kontrolli.