Friday, May 3, 2024

Jagħti x’jifhem li hu biss fil-gvern il-pajjiż u l-poplu għandu futur

- Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li Malta tinsab f’salib it-toroq fejn il-poplu jrid jagħżel bejn it-tkabbir tal-kwantità jew dak tal-kwalità. Sostna dan fil-Kunsill Ġenerali tal-istess partit li jmexxi mtella’ fid-dar ċentrali bit-tema “Ħajja Aħjar f’Pajjiżna”.

B’diskors imqanqal li jagħti x’jifhem li huwa biss fil-gvern il-pajjiż u l-poplu għandhom futur, Grech ippreżenta l-viżjoni tal-PN. Viżjoni li jisħaq li hija ta’ eċċellenza bbażata fuq inteġrità li biha se jibni mill-ġdid il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, ikun hemm tiġdid ekonomiku, tingħata prijorità lin-nies, kif ukoll ikun hemm u pedamenti sodi ta’ soċjetà li taspira li tkun aħjar.

Il-Kap tal-PN insista li, “il-viżjoni tagħna ta’ ħajja aħjar li joffri l-PN u jien tagħti kuraġġ u t-tama. Il-wegħda li nagħmlu lill-poplu Malti hija li n-nies tassew ikunu l-prijoritù u dejjem. Bil-viżjoni ta’ eċċellenza nkomplu nibnu li ma’ dak li diġa hemm tajjeb biex pajjiżna jagħmel kisbiet kbar. Il-viżjoni tal-PN dejjm waslet għal kisbiet kbar fosthom l-Indipendenza u s-sħubija fil-UE. Il-viżjoni tal-PN hija dik tal-libertà, il-ġustizzja u x-xogħol xieraq. Illum qegħdin ngħixu differenti. Il-politika preżenti waslet għal skjavitu modern, cheap labour, tkabbir bla ħsieb li qiegħed iħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja bi kriżijiet infrastrutturali. Għalhekk, il-PN qiegħed ikompli jimbotta pjan ekonomiku ġdid bla ma jkun ibbażat fuq l-importazzjoni tal-kwantità. Salib it-toroq biex mill-kwantità ngħaddu għall-kwalità bi trażżin bla waqfien tal-popolazzjoni tagħna”.

Il-PN jemmnu li l-viżjoni tagħhom hija ċ-ċavetta ta’ ħajja aħjar fejn se tirrifletti eċċellenza għall-poplu li se jingħata l-għodda biex jirnexxi. Grech fir-rigward tenn li, “il-viżjoni tagħha hija l-ewwel u qabel kollox dik li nġibu lura r-reputazzjoni ta’ pajjżina u li tirrestawra l-kwalità tal-ħajja li tixirqilna. Viżjoni li hija wegħda ta’ serħan il-moħħ, stabbiltà eknomika u affermazzjoni li aħna lesti li niggvernaw u li nkunu sodi fl-impenn tagħna ħalli nissalvagardjaw l-ambjent, il-benesseri soċjali u nżommu l-għola standards ta’ governanza. Nittrasformmaw il-pajjiż skont il-prijoritajiet tan-nies, nissavagwardjaw u nsaħħu d-demokrazija li tfisser tmexxija favur il-poplu. Din hija l-politika tal-PN”.

Il-Kap tal-PN fl-attakki tiegħu qal li l-eħfef ħaġa hija li ngħidu li huwa tort tal-Labour u wasal biex qal, “u hekk hu”. Fl-allegazzjonijiet ma jieqfux tiegħu, Grech insista li flok Malta tagħna lkoll saret Malta tagħhom biss b’referenza fost affarijiet oħra għall-għoli tal-ħajja li kulħadd jaf li qegħdin nesperjenzawha mill-fatturi esterni tal-pandemija u l-Gwerra fl-Ukrajna. Fatturi li Gvern Laburista qatigħ u bla waqfien issalvagwardja l-ħajja u l-interessi tal-poplu mill-bidu tagħhom, għadu u se jkompli bil-miżuri li ħabbar fil-Budget 2024.

Minflok, dwar it-tema tal-għoli tal-ħajja li ammetta li taffettwa lil kulħadd, Bernard Grech għażel li jirreklama l-politika “aħjar” tiegħu u wiegħed ħafna affarijiet fosthom li ladarba fil-Gvern, mhuwiex se jintaxxa l-COLA u li mhux se jabbanduna lin-nies u lin-negozji.

Huwa temm jgħid li, “ma nistgħux nagħmlu dan kollu jekk ma nifhmux li kollox jibbaża fuq l-integrità u l-onestà. L-integrità ma tinstabx fil-Gvern tagħna. Hemm bżonn ta’ aktar leatà minn dik il-persuna li taħlef li se tmexxi l-pajjiż fejn igawdi kulħadd u s-soċjetà timxi ‘l quddiem. Iċ-ċittadin jagħtu dan il-privileġġ li jkunu fuq siġġu ta’ servizz lill-politiċi tagħna. Is-siġġu politiku jrid jintuża biss għan-nies. Din hija politika tan-nies fejn iċ-ċentru jkun dejjem l-interess tal-bniedem b’mod sħiħ. Flimkien nistgħu naħdmu għal kwalita ta’ ħajja aħjar. Kuraġġ, il-PN huwa t-tarka tas-sewwa. Huwa l-partit tal-preżent u tal-futur. Il-PN huwa l-partit li qiegħed joffrilek ħajja aħjar f’pajjiżna”.

Sport