Friday, December 13, 2024

Jaħfirlu u jgħid li għadu jqisu bħala ħuh

Aqra wkoll

Raġel kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn wara li nstab ħati li darab gravi lil sieħbu meta tah daqqa ta’ ponn waqt li kien fis-sakra. Fil-Qorti, il-vittma kkonferma għal darba darbtejn li huwa kien qed jaħfer lil sieħbu u li l-ħbiberija ta’ bejniethom għadha attiva sal-lum fejn għadu jqisu bħala ħuh.

Enedi Tafa ta’ 30 sena mill-Albanija kien tressaq il-Qorti mixli li darab gravi lil Evis Bardhi, Albaniż ieħor, wara argument li nqala’ bejniethom f’residenza f’San Ġwann, liema każ seħħ nhar it-2 ta’ Novembru 2020. Fl-istess residenza fejn joqogħdu kien hemm ukoll diversi persuni oħrajn, ilkoll ta’ nazzjonalità Albaniża.

Mill-fatti li tressqu fil-Qorti, jirriżulta li meta seħħ il-każ, kien hemm ħames persuni f’din ir-residenza li lkoll kienu qegħdin jixorbu l-birra u f’ħin minnhom qam argument bejn Tafa u Bardhi minħabba xi malintiż dwar xi ħaġa li kien qal il-vittma fir-rigward tal-familja tal-imputat.

Dawk li kienu preżenti dak il-ħin, inkluż il-vittma nnifsu, li lkoll huma ħbieb u jgħixu taħt l-istess saqaf, xehdu li Tafa qam u ħebb għal Bardhi billi tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu, speċifikatament taħt għajnejh ix-xellugija. Dan kollu ġara f’temp ta’ ftit sekondi biss minkejja li sħabu pprovaw jispjegawlu li huwa kien fehem ħażin u pprovaw jikkalmawh.

Mill-provi jirriżulta wkoll li għalkemm bid-daqqa ta’ ponn li qala’ Bardhi beda ħiereġ id-demm tant li huwa beża’ u dak il-ħin ċempel lill-pulizija, din ma ħalliet l-ebda sinjal ħlief tbenġila żgħira.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ, speċjalmenti r-riluttanza evidenti tal-vittma li jixhed kontra sieħbu u x-xewqa inizjali tiegħu li ma jittiħdux proċeduri kontrih.

Il-Qorti iżda qalet li dan ma jfissirx li dak li għamel mhuwiex kundannabbli. “Il-Qorti tikkundanna bla riżerva kull xorta ta’ vjolenza inkluż ukoll dik li tinbiet min-nuqqas ta’ trażżin effettiv tal-emozzjonijiet li jġib miegħu l-konsum żejjed ta’ xorb alkoħoliku.”

Iżda fiċ-ċirkostanzi l-Qorti fehmet li dan kien inċident iżolat u inaspettat bejn żewġt iħbieb li l-persuni kollha li kienu preżenti għalih, inkluż il-vittma nnifsu, jirrikonoxxu li seħħ unikament minn malintiż u minħabba l-effett tax-xorb alkoħoliku li kienu qegħdin jikkonsmaw.

“Il-fatt li l-vittma kkonferma għal darba darbtejn li huwa jaħfer lill-imputat u li għadu jqisu bħala ħuh ma jistax ma jkollux effett fuq il-piena li għandha tagħti l-Qorti fuq sejbien ta’ ħtija għall-akkuża.”

Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati li kkaġuna ferita gravi lil sieħbu, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmel ebda reat ieħor fi żmien sentejn.

Ekonomija

Sport