Tliet persuni ġew rikonoxxuti b’midalja tal-Qadi tar-Repubblika wara mewthom. Fost dawn kien hemm Jake Vella li jibqa’ mfakkar għad-determinazzjoni u l-altruwiżmu li wera tul ħajtu. Minkejja l-kundizzjoni rari li kellu tar-ROHAD, din ma waqqfitux milli jgħin lil ħaddieħor u jqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni newroloġika rari. Minkejja li din il-kundizzjoni affettwatlu ħajtu serjament u xekklet b’mod drastiku l-abbiltà li jikkontrolla l-piż, huwa organizza diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi biex jgħin persuni oħra u annimali abbandunati.
Vella ppromwova l-isports u l-attività fiżika f’kull inizjattiva li organizza u għaqqad flimkien bosta atleti u voluntiera għal għanijiet nobbli.
Lorenzo Vella okkupa diversi karigi fis-servizz pubbliku u fi ħdan l-istituzzjonijiet ewropej fosthom bħala Viċi rappreżentant permanenti ta’ Malta għall-UE, rappreżentant permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa u Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta fl-2023.
Matul il-karriera tiegħu huwa ħadem bla heda biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fix-xena internazzjonali.
Huwa kien promutur ewlieni tal-inizjattivi tal-Kunsill tal-Ewropa favur id-dritt tal-Ukrajna li tiddetermina l-futur tagħha stess kif ukoll rikonoxximent tal-applikazzjoni tal-Kosovo għas-sħubija fl-UE. Ikkunsidrat bħala difensur tal-valuri Ewropej u promutur tal-kontribut ta’ Malta fl-Ewropa, Vella kien figura ewlenija biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni ewropea tkun dejjem ta’ benefiċċju għall-poplu Malti u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Malta.
Karl Gouder jibqa’ magħruf għall-impenn tiegħu lejn il-komunità u l-istil ta’ politika moderata li kien iħaddan. Huwa serva bħala Sindku ta’ San Ġiljan bejn l-2015 u l-2016 u bħala membru parlamentari darbtejn mill-2010 sal-2013 u mill-2016 sal-2022.
Matul dan iż-żmien huwa stinka sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-progress fil-komunità.
Gouder kien jispikka bl-istil ta’ politika li kien jippromwovi u l-abbiltà tiegħu li jgħaqqad u joħloq djalogu bejn nies b’opinjonijiet differenti.