Saturday, October 26, 2024

“Jalla d-dawl tal-Għid jiddi fuq il-poplu Ukren u dak Russu”

- Papa Franġisku waqt il-messaġġ tal-Għid il-Kbir fl-Urbi et Orbi

Aqra wkoll

Quddiem aktar minn 46,000 persuna fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, Papa Franġisku żamm it-tradizzjoni li jagħti l-Urbi et Orbi li hija l-barka fuq Ruma u fuq id-Dinja.

Minkejja l-eta tiegħu u fl-aħħar jiem ukoll kellu problemi ta’ saħħa, Papa Franġisku wassal messaġġ f’saħħtu ħafna. Fil-messaġġ mill-ġdid reġa’ talab biex tieqaf il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja. Papa Frankisu qal li “nitolbu għal poplu maħbub tal-Ukranja… u j’Alla d-dawl tal-Għid il-Kbir jiddi fuq il-poplu Russu.”

Hu qal li jitlob lil Alla biex jgħin lil dawk l-eluf li spiċċaw midrubin f’din il-gwerra kif ukoll biex dawk li tilfu l-għeżież tagħhom isibu s-sabar. Papa Franġisku qal li jittama li l-priġunieri tal-gwerra jiġu rritornati kollha lejn djarhom kif ukoll li l-komunita internazzjonali tkompli taħdem bis-sħiħ biex jieqfu l-gwerer kollha li hawn bħalissa madwar id-dinja.

Tkellem ukoll dwar is-Sirja, fejn Papa Franġisku sostna li dan il-pajjiż għadu qiegħed jipprova jsib il-paċi li tilef kawża tal-gwerra. Talab ukoll għall-vittmi tat-terremot tat-Turkija u ttama li d-dinja kollha tkompli toffri l-għajnuna tagħha lil dawn l-eluf ta’ vittmi li tilfu kollox.

Papa Franġisku beda l-messaġġ tiegħu billi sostna li “Kristu qam tassew mill-mewt, nittama li jerġa’ jitwieled għal kulħadd.”

Hija darbtejn f’sena biss li Papa jagħti l-Urbi et Orbi. Iż-żewġ okażżjonijiet huma l-Milied u l-Għid il-Kbir fejn il-Papa joħroġ mil-loġġa ċentrali tal-Bażilika ta’ Pjazza San Pietru u jagħti l-barka.

L-unika okkażżjoni oħra li Papa joħroġ mil-loġġa ċentrali hija meta jiġi elett Papa ġdid u għalhekk joħroġ biex jippreżenta ruħu lid-dinja.

Kif inhi t-tradizzjoni wkoll, il-fjuri kollha li jkun hemm fil-Loġġa Ċentrali u anke fi Pjazza San Pietru għal quddiesa tal-Għid il-Kbir jaslu l-Vatikan mill-Olanda li jingħataw b’donazzjoni.

Filwaqt li ta l-Għid it-Tajjeb lil popli tad-Dinja kollha, hu sellem b’mod partikolari lil morda, lil foqra kif ukoll lil anzjani li bħalissa qegħdin isofru xi sofferenzi. Hu fakkar li Kristu bena l-pont f’ħajjitna meta rabaħ fuq il-mewt. “Il-Qawmien ta’ Kristu hija l-aktar ġurnata importanti u sabiħa fl-istorja tad-dinja,” qal Papa Franġisku.

Ma setax jonqos li fil-messaġġ tiegħu Papa Franġisku jsemmi l-immigranti fejn ħeġġeġ lil popli tad-dinja biex jilqgħu lil dawn l-imsejkna li jkunu ħarbu minn djarhom minħabba l-gwerra jew il-faqar. Kien hawn li talab lil Alla biex jiftaħ qalb in-nies biex jibdew jilqgħu lil dawn il-persuni.

Tkellem ukoll dwar id-djalogu li għandu jkun hemm bejn l-Iżraeliti u l-Palestinjani. Papa Franġisku talab lil dawn iż-żewġ popli biex jitkellmu flimkien u jersqu aktar qrib xulxin. Talab ukoll għal Lebanu fejn qal li bħalissa f’dan il-pajjiż hemm problemi ta’ stabbilita u unita.

Ftakar ukoll dwar it-Tuneżija fejn talab għal dawk kollha li bħalissa għaddejjin minn sofferenzi soċjali u problemi ekonomiċi kbar. Hu wera t-tama li dawn kollha qatt ma jitilfu t-tama u jibnu futur sabiħ ta’ paċi.

Papa Franġisku sellem lil diversi popli oħrajn li bħalissa għaddejjin minn problemi fosthom il-Kongo u l-Etijopja.

Fl-aħħar tal-messaġġ hu ħeġġeġ lill-Insara kollha beix jgħinu lil persuni li huma bil-ġuħ, li qegħdin jabbużaw mid-droga, li huma vittmi tat-traffikar uman, li huma vittmi ta’ skjavitu fost oħrajn. .

Sport