Saturday, December 21, 2024

“Jalla ma nfiqux mill-Covid-19 u nimirdu lkoll b’dimenzja storika”

Aqra wkoll

Fr Hayden Williams: “Ma rridux nagħmlu mill-epidemija storja jew kisba umana li tafferma l-ħiliet xjentifiċi tagħna meta jinsab il-vaċċin għall-Covid-19 bla ma jkun trasformat il-ħsieb, il-valuri, l-għixien, il-morali u l-ispiritwalità tagħna”

Minn MARIA AZZOPARDI

“Għalkemm l-epidemija tal-Covid-19, ma taħfirha lil ħadd, ħafna drabi huma l-foqra u dawk vulnerabbli li l-aktar ibatu.  Is-sitwazzjoni tagħhom tiġi aċċentwata u jistgħu jinħakmu minn biża’, anżjetà u sens ta’ iżolament,” qal Fr Hayden Williams li bħalissa jinsab ġewwa l-ħabs biex jagħti sostenn spiritwali kemm lill-priġunieri kif ukoll lill-ħaddiema.

Huwa qal, “min hu vulnerabbli nħeġġu biex ma jingħalaqx fih innifsu u jaqsam il-karba tiegħu.  Ma jħalliex il-biża’ u l-ansjetà jmexxuh imma t-tama li hemm persuni oħra lesti għalih.  Kategorija partikolari ta’ persuni vulnerabbli li minn hawn ta’ spiss niftakar fihom huma l-homeless. Nixieq nagħmel appell biex kull min jista’ jindirizza din is-sitwazzjoni jgħin lil dawn il-persuni.”

Fr Hayden xtaq iwassal messaġġ li qal li jista’ jkun paradoss: “daqskemm nixtiequ neħilsu mill-Covid-19 malajr kemm jista’ jkun, naħseb li m’għandhux ikollna ġenn biex immorru lura għall-ħajja kif nafuha qabel. Irridu nimxu ‘l quddiem u mhux lura.  Irridu nħallu ż-żmien tal-epidemija jittrasformana biex immorru lkoll kemm aħna għal dak li huwa essenzjali fil-ħajja: li ngħixu għal ħaddieħor u mhux għalina nfusna.  Il-pożittiv li qed joħroġ f’dan iż-żmien ma jridx ikun coping mechanism fiċ-ċirkustanzi imma rridu nġorruh magħna biex nibnu futur ġdid bih.  Fl-issa li qed ngħixu hemm diġà l-futur tal-umanità. Għal min irid, din hija opportunità unika.”

Fr Hayden qal li f’din l-epidemija qed nirrealizzaw aktar li aħna lkoll l-istess. “Aħna lkoll responsabbli għal xulxin u wisq aktar għal min huwa l-aktar vulnerabbli fil-familja u fis-soċjetà. Qed niskopru li ħadd ma jista’ jgħix għal rasu.  Id-djar li xi drabi kienu saru lukanda, issa qed isiru l-post fejn ngħixu flimkien.  Uħud minnha forsi għandha bżonn nitgħallmu mill-ġdid kif ngħixu flimkien! Qed napprezzaw aktar l-ambjent u l-ħolqien. Qed nirrealizzaw ukoll kemm aħna limitati u kemm l-istess ħajja hija vulnerabli.”

Huwa qal li dan kollu jrid iwassalna biex nibnu futur ġdid għall-umanità u mhux nagħmlu mill-epidemija storja jew kisba umana li tafferma l-ħiliet xjentifiċi tagħna meta jinsab il-vaċċin għall-Covid-19 bla ma jkun trasformat il-ħsieb, il-valuri, l-għixien, il-morali u l-ispiritwalità tagħna. “Jalla ma nfiqux mill-Covid-19 u nimirdu lkoll b’dimenzja storika.”

Huwa qal li f’dan iż-żmien tal-epidemija dak li ma jidhirx qed isir ħafna importanti.  “Qed nemmnu f’dak li ma jidhirx. Min rah il-Covid-19? Inti rajtu? L-esperti rawh bil-mezzi tagħhom.  Hekk qalulna. U bir-raġun kollu, nemmnuhom.  U bdilna l-istil ta’ ħajjitna minħabba f’dak li ma narawx. It-talba tiegħi hija li f’dan iż-żmien niftħu qalbna lkoll għal Alla (li mhux dejjem narawh), li nemmnu fih u ngħixu f’imħabbtu. Jalla l-fidi tana f’Alla tibdel l-istil ta’ ħajjitna u mhux biss il-prattika reliġjuża tagħna. F’dan iż-żmien, irridu nħallu l-marda tal-Covid-19 tfejjaqna.”

Matul il-ġurnata fil-ħabs, Fr Hayden qed jagħmel ħiltu biex iqatta’ ħin konsiderevoli fit-talb personali.  “L-għaqda intima ma’ Ġesù fit-talb hija l-ewwel missjoni tiegħi fil-ħabs. Mingħajr dan ma nistax inkun strument f’idejh. Qiegħed hawn f’ismu. Dil-missjoni hija akbar minni. Nitlob il-grazzja li nifhem dak li Alla jrid minni f’dan iż-żmien u l-qawwa li ngħamlu. Nitlob lill-Mulej il-grazzja li nkun id-dell tiegħu. Id-dell huwa biss sinjal ta’ realtà mdawwla. Ir-realtà hija importanti u mhux id-dell. B’mod partikolari nitlob il-ħniena ta’ Alla fuq il-priġunieri u l-qawwa ta’ Alla fuq l-uffiċjali.  Nitlob għall-familjari ta’ kulħadd.  Nitlob lill-Mulej biex iħares il-ħabs. Nitlob ukoll għal dawk li huma vittma tar-reati tal-priġunieri. Il-vittmi inġorrhom dejjem f’qalbi.  Nitlob għalihom ukoll mal-priġunieri waqt il-quddiesa bħala parti minn proċess ta’ ndiema u riparazzjoni.”

Ekonomija

Sport