Minn Cristian Muscat
Id-data tal-Ħadd 7 ta’ Diċembru 2025 se tibqa’ mnaqqxa fil-memorja ta’ dawk li jsegwu l-isport ta’ endurance f’Malta. Dakinhar, James Camilleri u Christopher Vella, saru t-tielet u r-raba’ ċiklisti Maltin li qatt lestew l-isfida straordinarja tal-Everesting, sfida li tikkonsisti li titla’ għoljiet b’mod ripetut sakemm tgħaqqad 8,848 metru ta’ għoli, daqs l-għoli tal-Muntanja Everest.
F’din l-isfida ta’ kalibru dinji, iż-żewġ atleti għamlu 83 dawra fuq San Martin Hill fl-Imġarr, għal total ta’ madwar 300 kilometru fi 22 siegħa bla waqfien, nofshom fid-dlam. Appoġġati mill-familji u l-ħbieb tagħhom, u taħt it-tmexxija tal-ultra-triatleta magħruf Fabio Spiteri, waslu sal-linja finali b’determinazzjoni, paċenzja u ħafna qalb.
Għall-atleta u triatleta James Camilleri, dan kien mument ta’ sodisfazzjon kbir. Aħna ħadna l-kummenti tal-istess Camilleri li kien ferm sodisfatt b’dak li għamel hu u sieħbu Christopher.
Wara li falla tentattiv simili fl-2022, irritorna aktar b’saħħtu, aktar imħejji u b’esperjenza li għamlitu aktar matur mentalment. “Mhux sfida faċli,” jgħid James. “Kont ippruvajtha tliet snin ilu imma ma kienx irnexxieli. Tgħallimt ħafna minn dak iż-żmien u din is-sena ddeċidejt li nerġa’ nipprova. Bħala Malti ma tantx hawn ħafna li jlestuha minħabba li erbgħa biss minna rnexxielna nwettquha.”
James jitkellem dwar l-aktar mumenti diffiċli: “Batejna l-kesħa. Għamilniha f’dan iż-żmien tas-sena iġifieri fl-istaġun tax-xitwa, u kien hemm ħin fejn ħarġet ftit xemx imma fl-aħħar spiċċajna bil-kesħa sew.” Il-fatt li ħafna mid-distanza saret fid-dlam ma għenx: “Is-Sibt fl-għaxra ta’ filgħaxija konna għadna għaddejjin, fid-dlam lejl sħiħ, u spiċċajna l-Ħadd fit-8.30pm.”
Minkejja dawn il-kundizzjonijiet, James ifakkar ir-rwol importanti ta’ Fabio Spiteri: “Kif taf, Fabio għenna ħafna. Il-programmi tat-taħriġ li jagħtina huma preċiżi u effettivi. Nitgħallem ħafna minnu, hu famuż għall-isfidi li jagħmel u l-mod kif jibqa’ kalm u jegħleb l-elementi diffiċli.”
Il-vjaġġ sportiv ta’ James Camilleri beda fl-2016. “Kont għadni kif bdejt l-isfida tal-ALIVE. Għamilt żewġ sfidi u wara ddeċidejt nidħol fit-triathlon.” Minn hemm ’il quddiem, bdiet it-triq lejn ħafna suċċessi.
James għamel diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta: “Mort fl-Iżvezja, għamilt Full Ironman fl-Awstrija, u din kienet is-sena fejn għamilt l-iktar kompetizzjonijiet. Irnexxieli ntejjeb il-ħin ġewwa Spanja u fl-Awstrija rġajt mort, fejn ħadt it-tielet post.”
Is-sena 2025 kienet waħda mimlija kisbiet għalih, inkluż ħin personali tal-Ironman fi Spanja, podium fid-Double Ironman fl-Awstrija, u issa dan l-Everesting, li jikkonferma sena eċċezzjonali.
Bil-ħeġġa li jkompli jikber, James diġà qed iħares lejn dak li ġej iġifieri s-sena 2026: “Is-sena d-diehla għandi diversi tlielaq ippjanati. Il-ħsieb hu li nagħmel Double Ironman oħra. Din is-sena inzertajna ħafna xita fejn kienet kontinwa u minħabba hekk tkun aktar bil-mod. Mentalment mhix faċli. Nispera li nsib temp aħjar u nagħmel ħin aħjar personali.”
Il-kisba ta’ Christopher Vella hija straordinarja għar-raġuni sempliċi li beda jaqdef bir-rota fl-2022 biss. F’perjodu daqshekk qasir, irnexxielu jilħaq livelli li ħafna jaslu għalihom f’għexieren ta’ snin.
Għalkemm din is-sena kienet ikkaratterizzata minn injury diffiċli, ma waqafx jimmira objettivi għoljin. “Li ningħaqad mal-klassi tal-atleti elite li temmew l-Everesting hija ħolma li saret realtà.”
Għalih, dan mhux biss titlu, imma xhieda ta’ kemm jista’ jasal ’il fuq min jemmen fih innifsu u jżomm il-pass anke meta jsibu l-għawġ.
Christopher ukoll għandu jagħti l-unur tiegħu lil Team Fabio: hu faħħar lill-kowċ tagħhom Fabio Spiteri għall-appoġġ u l-mentalità tiegħu li tgħin lill-atleti jmorru lil hinn minn dak li jaħsbu li jistgħu jagħmlu.
L-Everesting hija waħda mill-aktar provi mentali u fiżiċi li atleta jista’ jaffaċċja fosthom għeja, dubju, kesħa, u d-dlam.
It-tim ta’ appoġġ li kien hemm għal dawn iż-żewġ atleti kien fundamentali. In-nies li niżlu magħhom bil-lejl, dawk li tawhom ikel, tè sħun, kit tal-bdil, u anke kliem ta’ kuraġġ huma dawn l-elementi li jagħmlu sfida bħal din possibbli.
L-Everesting ta’ James u Christopher ġab magħhom sentiment kbir ta’ għaqda fil-komunità taċ-ċikliżmu lokali. Huma wrew li, anke f’pajjiż żgħir bħal Malta, hemm spazju għal kisbiet kbar li jispiraw lill-oħrajn.
Finalment James Camilleri jagħti parir sempliċi iżda importanti ħafna:
“Jekk tkun imħajjar tibda ssuq ir-rota, l-aħjar ħaġa hi li ssib grupp ta’ ħbieb u tibdew flimkien, jew tingħaqad ma’ xi grupp li diġà jeżisti. Qabel ma kontx insuq ir-rota, ridt infittex nies li għandhom il-passjoni u b’hekk tibda titgħallem bil-mod il-mod.”
Dan il-parir, li jista’ jidher bażiku, huwa fil-fatt l-għerq ta’ ħafna mill-kisbiet sportivi. L-appoġġ soċjali joħloq komunità, u din tiftaħ bieb għall-motivazzjoni u perseveranza.

