Il-kummidjant Ingliż James Corden kien temporanjament ipprojbit milli jidħol f’restorant popolari ġewwa New York wara li f’żewġ okkażjonijiet separati kien “arroganti ħafna” mal-ħaddiema.
Keith McNally, il-proprjetarju tar-restorant popolari Balthazar, qal li Corden kien “konsumatur abbużiv” wara plejtu li għamel minħabba xi żbalji fl-ordni li għamel. Min-naħa tiegħu ftit tal-ħin wara li ġie mkeċċi minn dan ir-restorant Corden skuża ruħu kemm-il darba u għalhekk il-projbizzjoni tneħħiet.
Il-proprjetarju, f’kumment li kiteb fuq Instagram, qal li Cordon huwa kummidjant ta’ ħila kbira iżda huwa “kretin”. Hu żied jgħid li fil-25 sena li ilu jopera dan ir-restornat hu qatt ma ltaqa’ ma’ “konsumatur daqshekk abbużiv”.