Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isparar?
Bdejt nipprattika dan l-isport lura fl-2010 meta kien għad kelli 14-il sena. Missieri kien dilettant tal-isparar u darba mort miegħu u minn dakinhar, bdiet in-namra tiegħi għall-isparar.
X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Fis-sena 2015 meta kelli biss l-etá ta’ 18-il sena kont ksirt rekord nazzjonali ta’ 124/125 plattina u din kienet sena sabiħa għalija. Fl-aħħar ta’ dik is-sena kont waqaft għall-perjodu ta’ erba’ snin imbagħad fis-sena 2019 kont iddeċidejt li nerġa’ nibda u għadni nispara sal-ġurnata tal-lum!
Fuq livell nazzjonali nista’ nghid illi llum il-ġurnata irbaħt minn kollox u dejjem kont hemm mal-aqwa tliet postijiet. Min-naha l-oħra fuq livell internazjonali kont kemm-il darba ħafna viċin, fosthom ġimgħatejn ilu, fejn għalkemm kelli prestazzjoni tajba, il-fortuna ma daħkitlix u ksibt ir-raba’ post fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra.
X’tikkummenta fuq il-livell tar-riżorsi (ranges) fejn tittrenjaw u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Riżorsi llum il-ġurnata għandna ħafna u anke ħafna għajnuna, kemm teknikament u anke fiżikament. Għandna ranges f’Ta’ Kandja li huma sbieh ħafna u huma meqjusin bħala ranges bl-aqwa viżibiltá fid-dinja.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isparar?
Bħalissa ninsab diġá f’forma eċċellenti. Riċentement għadni kemm irbaħt il-Malta National Trap Grand Prix 2025 bi skor mondjali ta’ 121/125 u permezz tiegħu kkwalifkajt għat-Tazza tad-Dinja ġewwa Lonato fl-Italja x-xahar li ġej u ftit wara għall-Kampjonati Ewropej ġewwa Chateauroux, fi Franza.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isparar.
Fil-ħajja f’kulma tagħmel u f’kollox għandu ż-żmien sabiħ u l-ikrah tiegħu. Żmien iebes u ikrah ħa tgħaddi minnu dejjem. Dejjem trid tibqa’ hemm u taqta’ qalbek qatt għax wara l-maltemp jiġi l-bnazzi!