Mark Saviour Borg ta’ 55 sena li fil-Qorti qal li ma jaħdimx ammetta l-akkużi kontrih ta’ vjolenza domestika li wettaq fuq missieru anzjan ta’ 87 sena.
Borg li jgħix ma’ missieru f’San Ġiljan, tressaq il-Qorti fl-aħħar sigħat fejn ġie akkużat li lbieraħ u fil-ġranet, fix-xhur u fis-snin ta’ qabel, uża vjolenza psikoloġika fuq missieru. Hu kien jagħmel dan biex jagħtih il-flus biex ikollu biex jixtri d-droga.
L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet fil-Qorti li missieru jinsab imwewer minn ibnu tant kemm ilu jiġi mhedded.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-akkużat ammetta l-akkużi kontrih u qal li jiddispjaċih ħafna ta’ għemilu u li ma messux għamel hekk lill-missieru. Hu kien akkużat ukoll li hu riċediv.
L-avukat tad-difiża Sue Mercieca fl-ebda ħin m’għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbet biex qabel tingħata s-sentenza jsir rapport dwar x’għajnuna għandu bżonn l-akkużat.
Il-Qorti laqgħet din it-talba u ordnat biex waqt li jkun qed jinżamm arrestat il-ħabs, jitqiegħed fuq ordni ta’ trattament.
Borg quddiem il-Maġistrat qal li jrid jieqaf mill-vizzju tad-droga għax meta ma jieħux droga jkun kapaċi jieħu ħsieb lil missieru.
Għal dan il-kliem il-Maġistrat qaltlu li hu pass tajjeb li qed jagħraf li għandu jieqaf mill-vizzju biex b’hekk ikun ta’ għajnuna għall-missieru u għal bqija tal-familja.
Il-Qorti ddiferiet il-kawża għal aktar tard dan ix-xahar għall-preżentazzjoni tar-rapport biex imbagħad tgħaddi għas-sentenza.