Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Imsida tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella mixli li seraq minn knejjes fil-Belt u mill-Furjana.
Hossam Amgad Anwar Aly Elnily ammetta li fis-6 ta’ Lulju seraq flus minn kaxxa tad-donazzjonijiet fil-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Huwa ammetta wkoll li l-għada 7 ta’ Lulju seraq flus minn kaxxa tad-donazzjonijiet fil-knisja tal-Karmnu.
L-imputat ammetta wkoll reġa’ seraq minn tal-Karmnu darbtejn oħra. Dan wara rapporti ta’ serq fil-lejl ta’ bejn is-17 u t-18 ta’ Lulju. Hawnhekk huwa ammetta wkoll li fl-istess lejl seraq minn kafetterija fil-Belt u minn kaxxa tad-donazzjonijiet fil-Furjana.
L-imputat, li fil-Qorti qal li kien jaħdem bħala kok, ammetta wkoll li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ.
Filwaqt li ordnat li l-imputat jinżamm arrestat, il-Maġistrat laqgħet it-talba tal-Avukat Christopher Chircop li talab biex isir rapport soċjali dwar iż-żagħżugħ qabel tingħata s-sentenza. Il-każ mistenni jkompli jinstema’ f’Awwissu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.
Elnily kien arrestat wara ħidma mill-pulizija tad-Distrett tal-Belt u dawk tal-komunità.