Saturday, January 31, 2026

Jammetti l-akkużi l-imputat li twassal l-għassa mill-vittma f’Għawdex

Aqra wkoll

Gabriel Spiteri, ta’ 36 sena residenti r-Rabat Għawdex nhar il-Ġimgħa ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech l-akkużi dwar serq minn restorant fil-Qala Għawdex.

Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn il-21 ta’ 22 ta’ Jannar li għadda meta Spiteri kien seraq laptop u tablet mill-Qala.

Dakinhar tal-każ, sid ta’ restorant fil-Qala daħal l-għassa tar-Rabat Għawdex u miegħu kellu lil Gabriel Spiteri.

Fir-rapport li għamel is-sid tar-restorant allega li minn fuq il-mobile nduna li kienet daqqet l-allarm tal-ħanut, u x’ħin daħal fuq il-kameras tas-sigurtà biex jara x’hekk ġara ra raġel fl-istess bini.

Kompla jirraporta li telaq mid-dar biex mar fir-restorant, iżda x’ħin wasal l-allegat ħalliel ma kienx għadu hemm. Għalhekk iddeċieda li jsuq lejn l-Għassa biex jagħmel ir-rapport.

Waqt li kien qiegħed isuq mit-triq tal-Qala lejn ir-Rabat lemaħ lil Spiteri miexi u f’idu kellu xi affarijiet. Kien hawn li sid ir-restorant waqqaf il-karozza u offra lift lil Spiteri b’dan tal-aħħar jaċċetta li jwasslu sar-Rabat.

Hekk kif tela’ fil-karozza, sid ir-restorant baqa’ jsuq lejn l-Għassa tar-Rabat fejn minbarra li għamel ir-rapport qal lill-pulizija li miegħu kien ħa lill-allegat ħalliel.

Wara li l-Maġistrat semgħet l-ammissjoni ta’ Spiteri, ikkundannatu xagħrejn ħabs effettivi, kif ukoll ordni ta’ trattament għal 3 snin. Il-Qorti ordnat ukoll €500 konfiska mid-depożitu bħala parti mid-digriet tal-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest li Spiteri kien ingħata fis-16 ta’ Jannar. L-imputat ġie mmultat ukoll €200.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone flimkien mal-Ispettur Keith Xerri filwaqt li Dr Joseph Grech mexxa d-difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport