Sunday, November 24, 2024

Jammetti li abbuża sesswalment turista Taljana

Aqra wkoll

Eġizzjan ta’ 34 sena, tressaq il-Qorti fejn ammetta l-Ħadd li għadda wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq mara Taljana f’San Pawl il-Baħar.
Najah Agheez, kien arrestat il-Ħamis wara li l-pulizija identifikatu minn filmati tas-CCTV meħuda minn stabbiliment f’Buġibba.

Agheez, li m’għandux indirizz fiss, tressaq quddiem il-Maġistrat Abigail Critien fejn ġie mixli wkoll li ta fastidju lill-vittma, issuġġettaha għal att ta’ intimità fiżika, li żammha kontra l-volontà tagħha u li kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha je wkontra tagħha.

Akkużi oħra kontrih jgħidu li seraq mobile ta’ raġel li jiswa €1,800, li kien fis-sakra f’post pubbliku, li kiser il-paċi pubblika u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Carmel Gatt, li deher għall-imputat, talab li l-piena tkun qrib il-minimu “minħabba ċ-ċirkostanzi.” Id-Difiża żiedet tgħid li dakinhar tal-każ kien l-anniversarju tal-mewt ta’ omm l-akkużat u li dan mar jixrob biex jipprova jinsa.

Intqal li tant xorob li lanqas jiftakar x’seħħ.

Id-Difiża kompliet tgħid li r-raġel kien qed jitlob li jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament sabiex jegħleb il-vizzju tax-xorb. Is-sentenza se tingħata fl-4 ta’ Mejju li ġej.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella megħjun mill-Avukati Cynthia Tomasuolo u Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

1 kumment

Comments are closed.

Sport