Saturday, December 21, 2024

Jammetti li bagħat messaġġi ta’ insulti u theddid lill-eks sieħba… Kien ilu żmien twil ma jara lit-tifla

Aqra wkoll

Żagħżugħ Malti li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ammetta fil-Qorti li bagħat messaġġi ta’ insulti u theddid lill-eks sieħba tiegħu. Hu jgħix barra minn Malta, u l-messaġġi bagħthom f’Lulju li għadda.

Meta kien qiegħed jiġi mitkellem mill-Pulizija filwaqt li ammetta, qal li jiddispjaċih u qatt ma kien se jasal biex jagħmel dak li kiteb. Stqarr li kien muġugħ minħabba li kien ilu ma jara lit-tifla li għandu mal-eks sieħba tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Joseph Galea li l-akkużat kien ġie arrestat fl-Ajruport ta’ Malta hekkkif wasal f’pajjiżna. Hu kien se jattendi funeral ta’ qarib tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma kienet għamlet rapport mal-pulizija dwar theddid li kienet irċiciet b’messaġġi rrekordjati fuq WhatsApp. L-Ispettur ippreżentat lill-Qorti r-rapport tal-assessjar li sar mill-Appoġġ mal-allegata vittma.

Fil-Qorti ntqal li hu għandu fedina penali tajba u li nhar it-Tnejn li ġej mistenni jirritorna fil-pajjiż fejn jgħix. Huwa ngħata sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ 200 ewro u ġie ordnat biex ma jagħmel l-ebda kuntatt mal-allegata vittma.

Ekonomija

Sport