Raġel ta’ 40 sena minn Wied il-Għajn tressaq il-Qorti fejn wieġeb ħati għal akkużi li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda u fil-ġranet u l-jiem ta’ qabel. Huwa mifhum li r-raġel baqa’ jiġri wara l-eks sieħba tiegħu u anke ċemplilha diversi drabi minkejja li kien projbit milli jagħmel dan fuq ordni tal-Qorti.
Intant, ir-raġel kien mixli wkoll mill-Ispetturi Sherona Buhagiar u Dorianne Tabone li kkaġuna lil bint l-eks sieħba tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u li żamm arma tan-nar mingħajr liċenzja.
Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Il-Qorti ordnat divjet fuq isem l-imputat fid-dawl tan-natura familjari tal-każ.
Id-Difiża qalet li ma kinitx qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti tirrakkomanda li fiż-żmien li jagħmel taħt arrest preventiv, l-imputat jinżamm fit-Taqsima Forensi tal-Isptar Monte Carmeli.
Il-Qorti ddiferixxiet il-kawża għas-sentenza għat-28 ta’ Settembru fid-9.00 a.m.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-imputat.